Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex titħassar deċiżjoni tal-Ispeaker ma tgħaddix

  • Mej 24, 2016 21:48
  • Miktub minn iNews

    Il-Gvern illejla vvota kontra mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex titħassar deċiżjoni tal-Ispeaker li waqqfet lill-Parlament milli jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront taċ-Chief-of-Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

    Dan ifisser li fis-seduta ta’ għada l-Erbgħa 25 ta’ Mejju se tkun diskussa mozzjoni biex jitwaqqaf kumitat ‘ad hoc’ ħa jisma xhieda dwar allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-istess Schembri. Is-seduta se tibda fit-3.30pm u l-vot jittieħed fid-9.30pm.

    Fi tmiem seduta li damet sagħtejn u nofs, il-mozzjoni m’għaddietx bi 30 vot favur u 35 vot kontra.

    Il-mozzjoni ta' sfiduċja kontra Schembri b’rabta mal-Panama Papers ġiet ippreżentata mid-deputat indipendenti Marlene Farrugia, madankollu l-Ispeaker informaha li din setgħet issir biss kontra persuna li tokkupa kariga ministerjali. Għalhekk il-mozzjoni nbidlet għal waħda ta’ ċensura fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat peress li Schembri jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ministerjali tiegħu.

    Din id-deċiżjoni xejn ma niżlet tajjeb mal-Oppożizzjoni, bil-Kap tagħha, Simon Busuttil, jitlob ‘ruling’ (deċiżjoni) fejn fakkar kif fl-2012 il-Parlament kien iddiskuta mozzjoni ta’ ċensura fil-konfront tar-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE, Richard Cachia Caruana. Dakinhar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista kienet għaddiet u Cachia Caruana rriżenja mill-kariga.

    Minkejja li qajmet dan il-punt u anke fakkritu kif dakinhar huwa kien jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej Laburista, b’deċiżjoni li ħa fis-17 ta’ Mejju li għadda l-Ispeaker warrab l-argumenti tal-Oppożizzjoni u baqa’ jinsisti li l-mozzjoni ta’ Farrugia ma setgħetx issir kif preżentata.

    Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni, permezz tad-deputati Mario de Marco u Francis Zammit Dimech, ressqet mozzjoni li fiha mhux biss talbet li tiġi riveduta d-deċiżjoni tal-Ispeaker imma li jsir rapport fuqu mill-Kamra.

    Kif mistenni, membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni argumentaw favur il-pożizzjoni tagħhom, bl-Oppożizzjoni tgħid li d-deċiżjoni tal-Ispeaker ma kinietx tħalliha tagħmel skrutinju tal-Gvern, mentri dan irrisponda li r-ruling kienet timxi mal-proċedura parlamentari.

    Il-mozzjoni ta’ ċensura fil-Prim Ministru se tkun it-tielet waħda relatata mal-każ tal-Panama Papers, bit-tnejn l-oħra jkunu l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern u dik fil-Ministru Konrad Mizzi liema mozzjonijiet, kif mistenni, m’għaddewx mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

    Ministru jgħid li l-Gvern tal-PN għamel ħafna “pudini”

    Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrgia, sostna li l-Gvern Nazzonalista għamel ħafna “pudini” fosthom dik fil-każ ta’ Binja Buqana fl-Imtarfa. Huwa kien jirrispondi għall-mistoqsijiet u kummenti li saru minn membri tal-Oppożizzjoni dwar in-numru ta’ każijiet pendenti fejn jidħol il-‘housing’.

    Waqt li ikkundanna lill-Gvern Nazzjonalista talli ma għamel xejn u qal li x-xogħol biex tiġi rrinġata Binja Buqana se tiġi tiswa bejn €3 miljun u €4 miljun, Farrugia ħabbar li fil-jiem li ġejjin se joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol.

    Għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar jekk hux veru li t-talbiet tal-‘housing’ soċjali żdiedu bi 15%, Farrugia qal li veru li kien hemm din iż-żieda imma sostna li dan għax dawn ma jaffordjawx li jħallsu €1,000 fis-sena bil-bidliet li saru fil-kirjiet taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Huwa qal li l-Gvern qed jara jirrivedix is-sussidju fuq il-kera.

    L-armata b’nuqqas ta’ 764 suldat

    Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, informa lill-Parlament li fil-Forzi Armati ta’ Malta m’hemmx biżżejjed suldati u huwa ikkalkulat li hemm bżonn ta’ 60 uffiċjal u 704 fi gradi oħra.

    Rigward tal-Pulizija huwa ma qalx jekk hemmx biżżejjed jew le, għalkemm semma li bħalissa l-Korp huwa iffurmat minn Aġent Kummissarju, sitt Assistenti Kummissarji, 21 Supretendent, 103 Spettur, żewġ Maġġuri tal-Ewwel Klassi, 44 Maġġur tat-Tieni Klassi, 335 Surġent, 1,467 Kuntistabbli u 96 Kuntistabbli ta’ Riżerva.

    Abela żvela wkoll li bejn l-2013 u l-2015 il-pulizija wettqu 2,602 ‘roadblock’ mentra s-suldati, li kienu jagħmlu dan fuq talba tal-Pulizija, twaqqfu milli jkomplu jagħmluhom f’Marzu 2010.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook