'Il-GWU temmen li l-paga minima għandha tiġi msaħħa' - Josef Bugeja

  • Mej 22, 2016 00:34
  • Miktub minn iNews

    B'reazzjoni għall-proposta tal-Caritas li togħla l-paga minima, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja qal li fl-isfond tar-rapport tal-Caritas kif ukoll tal-pożizzjoni tal-GWU fis-snin imgħoddija, il-GWU temmen li l-paga minima għandha tiġi msaħħa b’intervent ta’ darba, wara li jsir studju xjentifiku kif din tiżdied u meta, b’mod li jkollha l-inqas impatt negattiv fuq l-ekonomija u l-kompettività ta’ pajjiżina.

    Is-Sur Bugeja qal lil inewsmalta.com li fil-proposti tagħha lill-partiti politiċi qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-GWU kienet esprimiet il-fehma li l-paga minima ma kinitx għadha tissodisfa l-għanijiet li għalihom kienet inħolqot, primarjament li taqta’ l-abbużi kontra l-ħaddiema u li ma tħallix ħaddiema jaqgħu f’riskju ta’ faqar. "Il-GWU temmen li hekk kif il-pajjiż qed igawdi minn tkabbir ekonomiku iva issa huwa l-waqt li tiżdied il-paga minima," qal is-Sur Bugeja.

     

    Żied jgħid li huwa għalhekk li llum f’ekonomija b’saħħitha hija meħtieġa reviżjoni tal-paga minima bil-għan li dawn il-persuni u familji jkomplu jsibu sostenn biex jitbiegħdu mil-linja tal-faqar, jingħataw dinjità u jiksbu motivazzjoni akbar biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jtejbu l-livell ta’ għajxien.

     

    Żieda fil-paga minima żgur li se tgħin biex il-persuni jkollhom il-mezzi li jsaħħu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Dan ikollu effetti oħra sekondarji – pożittivi – fuq l-ekonomija, bħal żieda fil-konsum, kif ukoll li ma jibqax ikun hawn każi fejn l-ulied jinħarġu qabel iż-żmien mill-iskola biex jaħdmu u jgħinu lill-familja.

     

    Fuq kollox, żieda fil-paga minima tgħin biex jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema li minkejja li għandhom impjieg, xorta qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar u biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom jispiċċaw isibu sors ieħor finanzjarju li ħafna drabi jkun impjieg b’kundizzjonijiet prekarji, kompla s-Sur Bugeja.

     

    Żied jgħid li l-GWU, fl-isfond ta’ dan ir-rapport ta’ Caritas Malta, kif ukoll tal-pożizzjoni tagħha fis-snin imgħoddija, temmen li l-paga minima għandha tiġi msaħħa b’intervent ta’ darba, wara li jsir studju xjentifiku kif din tiżdied u meta, b’mod li jkollha l-inqas impatt negattiv fuq l-ekonomija u l-kompettività ta’ pajjiżina. Dan l-intervent ikun apparti ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja magħrufa bħala COLA. 

     

    Huwa importanti wkoll li l-aġġustamenti tal-paga minima jsiru wkoll flimkien mat-tisħiħ tal-pensjonijiet għaliex ma tistax tgħin grupp soċjali fil-pajjiż u tħalli grupp ieħor jiffaċċja diffikultajiet simili. Għaldaqstant il-GWU tappella għal diskussjoni serja u li jintlaħaq konsensus fuq l-aħjar mod li bih isir it-tibdil meħtieġ, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

    Ħadna wkoll il-kummenti ta' entitajiet oħra għar-rapport tal-GWU. L-impressjoni tal-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Maltin (CMTU) fid-dawl ta' dan kollu hija li l-impjiegi ta' ħiliet baxxi mhumiex igawdu mill-impatt tat-tkabbir ekonomiku u għalhekk teżisti l-ħtieġa li permezz ta' żieda fil-paga minima jitranġa dan l-aspett soċjali. "Ma jidhirx li huwa biżżejjed," sostna Paul Abela mis-CMTU, "li jorħsu ċerti kontijiet" biex ikun hemm titjib fil-ħajja ta' din il-faxxa tas-soċjetà Maltija.

    Ir-rappreżentanti tan-negozji huma aktar kawti f'dan ir-rigward u fi kliem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Anton Borg, "biex tgħin lin-nies li jinsabu f'riskju ta' faqar is-soluzzjoni mhix li tiżdied il-paga minima, għax dan iġib miegħu l-effett domino u dik iż-żieda jkollha tissarraf fiż-żieda tal-pagi kollha." 

    Filwaqt li ma tħossx li huwa l-każ li hawn intrapriżi f'Malta minħabba r-rata tal-paga minima, u għalhekk ma jfissirx li ż-żieda tagħha tista' tbiegħed negozji minn pajjiżna, il-Kamra tal-Kummerċ hija tal-fehma li miżura ta' dan it-tip tista' tpoġġi f'riskju l-kompetittività ta' Malta. 

    Borg wissa biex ma jintmessx il-metodu 'naturali' li bih taħdem l-ekonomija. Qal li ż-żieda tal-paga minima ġġib magħha żieda fid-domanda u dan iwassal biex togħla l-ħajja. Eventwalità li "terġa' ġġib l-qagħda finanzjarja tal-individwu fuq il-paga minima fl-istess sitwazzjoni li qiegħda llum." 

    Li togħla l-paga minima hija miżura b'potenzjal ta' impatt qawwi u għalhekk il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tħoss li jrid ikun hemm attenzjoni sħiħa għall-effett li tista' tħalli fuq l-ekonomija u jekk l-industrija tiflaħx għaliha. 

    Skont Paul Abela, President tal-GRTU, il-Caritas għandha tmur quddiem l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), tippreżenta s-sejbiet tagħha u jkun l-MCESD li jqabbel dik id-data mar-rapport ta' konsulent ekonomiku, biex ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru lill-Gvern jkunu qed iħarsu lejn l-istampa kollha. 

    Għall-argument li jipprijoritizza l-kompetittività, il-Forum Unions Maltin qalet li "tan-negozji jridu japprezzaw li l-persuni li jgħixu fuq il-paga minima u li se jsibu aktar flus fil-but se jkunu qed jonfqu dawn l-istess flus għand in-negozji." 

    Living wage soluzzjoni fit-tul

    Fost il-botta u risposta ta' min jaqbel u ma jaqbilx ma' żieda fil-paga minima, fid-dawl ta' qasma soċjali li qiegħda tiżdied u nies u familji li l-qagħda finanzjarja tagħhom qed tpoġġihom f'ċirku vizzjuż, il-Forum Unions Maltin qed tipproponi l-ħolqien ta' living wage. 

    "Bil-paga minima u l-COLA dawn in-nies mhumiex ilaħħqu," qal Kevin Bonello, President tal-For.UM, "għaldaqstant hemm bżonn ta' mekkaniżmu mibni fuq il-bżonnijiet bażiċi u l-valur attwali tagħhom." 

    B'hekk, saħaq, "il-paga minima ma tibqax neċessarjament minima iżda tkun waħda li tirrifletti l-qagħda ekonomika ġenerali u tagħmel il-ħajja sostenibbli."

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0