Baħri fuq bastiment 'Malti' mhux ħati li qatel ħames sajjieda

  • Mej 20, 2016 00:56
  • Miktub minn iNews

    Baħri mil-Latvja li kien fuq tanker reġistrat Malta meta allegatament dan baqa’ dieħel fi skuna tas-sajd Franċiża ma nstabx ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kkaġuna l-mewt ta’ ħames sajjieda Franċiżi abbord l-iskuna.

    L-inċident kien seħħ fil-5 ta’ Jannar 2006, qrib il-kosta ta’ Franza, u fih kienet involuta l-iskuna “Klein Familie” li fuqha kien hemm Franck Herouiville, Ludovic Heruville, Frederic Terpereau, Olivier Brusa, Thierry Gouselain u Michel Gueno. 

    Dwar dan l-inċident inżamm responsabbli t-tanker “Sichem Pandora” li fuqu kellu ekwipaġġ ta’ 16-il persuna fosthom iċ-Chief Officer Russu Vasily Ogarkov u l-Able Seaman mil-Latvja Aleksandrs Belikovs.

    Li ġara fiż-żgur kien li l-iskuna Franċiża spiċċat għerqet u magħha għerqu ħamsa mis-sitt baħrin. L-unika wieħed li salva kien Gueno li nstab fuq ’life raft’.

    Dwar dan l-inċident traġiku ttieħdu passi fil-Qorti ta’ Malta fil-konfront ta’ Ogarkov u Belikovs fen quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri l-baħri mil-Latvja ġie mixli bil-qtil involontarju tal-ħames baħrin, li naqas li jagħti l-għajnuna lil min kien fil-periklu u li ma rrappurtax l-inċident.

    L-avukati tiegħu argumentaw li huwa ma kellux jinstab ħati għax ma kienx is-“Sichem Pandora” li baqa’ dieħel fl-iskuna imma bastiment ieħor mentri l-prosekuzzjoni qalet li l-provi juru li kien l-istess bastiment involut fl-inċident fatali.

    Peress li l-każ kien seħħ f’Jannar 2006 u Belikovs kien infurmat bl-akkużi kontrih f’Diċembru 2012, l-akkużi li naqas li jagħti l-għajnuna lil dgħajsa fil-periklu, li ma għenx persuni fil-periklu li jegħrqu u li naqas li jirrapporta l-inċident waqgħu peress li kien għadda ż-żmien meta suppost tressqu l-imsemmija akkużi.

    L-unika akkuża li għalhekk kien jeħtieġ li tiġi ppruvata kienet dik tal-qtil involontarju fejn mill-provi mressqin quddiem il-Maġistrat Camilleri rriżulta li dak il-ħin li seħħ l-impatt ma kien hemm ħadd fuq l-iskuna Franċiża għassa għal li jista’ jinqala.

    Ħadd mis-16-il membru tal-ekwipaġġ li xehdu quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima (illum imħallef) fl-inkjesta ma semma li ħassew jew semgħu xi ħabta.

    Mill-provi mressqin rriżulta wkoll li dakinhar li seħħ l-inċident kien hemm diversi bastiment fil-viċinanzi u li mix-xiehda tal-unika baħri Franċiż li salva l-kaptan Goueslain tant kellu kundizzjoni ta’ saħħa ħażina li mhux l-ewwel darba li raqad waqt li kien fuq it-tmun tal-iskuna.

    Gueno rrakkonta li huwa kien rieqed meta sab lilu nnifsu fil-baħar u ra lill-iskuna tegħreq quddiem għajnejh u li l-bastiment li daħal fihom kien blu u kellu pajpijiet sofor, madankollu ma setax jara l-isem tiegħu.

    Il-fatt li s-“Sichem Pandora” la kien miżbugħ blu u lanqas kellu pajpijiet sofor imma kien ta’ lewn aħmar wassal biex l-avukati tal-baħri jgħidu li dan kien ifisser li ma kienx l-imsemmi bastiment li ħabat mal-iskuna.

    Huma argumentaw ukoll li kuntrarjament għas-“Sichem Pandora” ma sarux testijiet fuq iż-żebgħa ta’ tliet bastimenti li nzertaw għaddejjin mill-inħawi fl-istess ħin – “MSC Lea”, “Belarus” u “Hellas Warrior” – u għalhekk ma setax jiġi stabbilit liema bastiment kien involut fil-ħabta.

    Kien għal din ir-raġuni li l-Maġistrat Neville Camilleri kkonkluda li mill-provi ma setax jistabbilixxi b’ċertezza li kien is-“Sichem Pandora” li daħal fil-“Klein Familie” u għalhekk illibera lil Belikovs mill-akkuża li kkaġuna l-mewt tal-ħames sajjieda Franċiżi. 

    Vasiliy Ogarkov, li għandu 52 sena li huwa s-sid tal-vapur imsemmi, ma nstabx ħati lanqas f'dan il-każ fuq l-istess kriterji.

    Ritratt: AFP

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0