F'perjodu ta' 12-il sena rajt bidla sostanzjali fit-Tieqa tad-Dwejra - il-Professur Vincent May

  • Mej 18, 2016 00:28
  • Miktub minn Corey Formosa

    Il-Professur Vincent May qal li l-ewwel impressjoni li ħa mill-analiżi li għamel, hija li t-Tieqa tad-Dwejra esperjenzat tibdil sostanzjali minn meta raha l-aħħar darba madwar 12-il sena ilu, u dan għar-raġuni li partijiet minnha, b'mod partikolari fuq in-naħa tax-xellug tagħha, iġġarrfu. 

    Il-Professur May qal dan meta lbieraħ kien mistoqsi x'inhuma l-ewwel ħsibijiet tiegħu, minn dak li ra sa issa, dwar l-istat tat-Tieqa tad-Dwejra.

    Il-Professur Vincent May, mill-Università ta' Bournemouth, wasal Malta nhar il-Ħamis li għadda. Huwa beda janalizza t-Tieqa tad-Dwejra nhar it-Tnejn li għadda u l-ħidma tiegħu se tintemm illum. 

    L-istudju tal-Professur May se jiffoka fuq il-ġeoloġija, primarjament dwar kif id-deterjorazzjoni tat-Tieqa tad-Dwejra tista' tiġi mitigata. Se ssir analiżi wkoll dwar x'inhu s-sors primarju li qed jikkawża d-deterjorazzjoni tat-Tieqa tad-Dwejra.

    Fl-ewwel jum ta' ħidma tiegħu, il-Professur May analizza dan is-sit ikoniku marbut mal-gżira Għawdxija, minn fuq dgħajsa, billi ħa għadd ta' ritratti tat-Tieqa. Ir-raġuni li l-Professur May għażel li jaħdem minn fuq id-dgħajsa matul il-jum tat-Tnejn kienet, peress li l-baħar kien kemmxejn imqalleb. Dan biex ikun analizzat aħjar l-impatt li l-mewġ qed iħalli fuq it-Tieqa tad-Dwejra.

    Madankollu, ilbieraħ kien imiss li l-Professur May janalizza t-Tieqa minn fuq l-art. Tkellimna mal-Professur May ilbieraħ filgħodu, meta kien għaddej bil-ħidma tiegħu waqt li għadu d-Dwejra. 

    Mistoqsi x'kienet l-ewwel impressjoni li ħa, il-Professur May qal li ħaġa li żgur laqtitu, kienet il-bidla li esperjenzat it-Tieqa tad-Dwejra.

    Il-Professur May qalilna li jekk wieħed iħares lejn in-naħa tax-xellug tat-Tieqa, jirrealizza li ġġarfu partijiet sħaħ mill-blat. “Apparti hekk, meta nikkumpara mar-ritratti li għandi ta' 12-il sena ilu, nirrealizza li partijiet oħrajn tat-Tieqa, ma għadhomx hemm. Iġifieri f'perjodu ta' 12-il sena, seħħet bidla kbira” qal il-Professur May.

    Spjega li parti mill-ħidma tiegħu se tiffoka proprju fuq dawn il-paraguni. Il-Professur May żied jispjega li f'dawn il-ftit jiem huwa kellu diskussjonijiet ma' diversi persuni, mhux biss dwar il-bidliet tat-Tieqa tad-Dwejra, iżda anke l-bidliet li esperjenzaw l-irdumijiet ta' Sannat, li partijiet minnhom iġġarfu minħabba proċess normali.

    Il-Professur May nġieb f'pajjiżna wara talba li saret mill-Ministeru għal Għawdex, bil-għajnuna tal-Uffiċċju tal-UNESCO għal Malta, b'dan tal-aħħar jitlob l-għajnuna tal-World Heritage Center, fi ħdan il-UNESCO. 

    Iżda peress li t-Tieqa tad-Dwerja s'issa tinsab fuq it-tentative list biex tkun ikkunsidrata bħala wirt dinji mill-UNESCO, il-World Heritage Center dar fuq l-International Union for Conservation of Nature (IUCN), li min-naħa tagħha ppropniet lill-Professur May, li beda ż-żjara f'Għawdex nhar il-Ħadd. 

    Tul il-karriera distintiva tiegħu, il-Professur May mid-Dipartiment tal-Ġeografija u tax-Xjenza Ambjentali tal-Università ta' Bournemouth, għamel studji importanti fost l-oħrajn dwar il-Jurassic Coast. Barra minn hekk, il-Professur May huwa wkoll intiż ħafna fuq l-istudji turistiċi, xi ħaġa li tippermettilu jagħmel l-analiżi ħolistika dwar it-Tieqa tad-Dwejra, kemm minn perspettiva ta' ġeoloġija u anke mill-perspettiva turistika. 

    Imwaqqaf id-Dwejra Management Board

    Sadanittant, nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Jose Herrera, qal li ġie mwaqqaf id-Dwejra Managment Bord. Il-Ministru Herrera qal li dan il-bord ġie mwaqqaf mill-MEPA skont kif kien  jgħid l-Action Plan għad-Dwejra. 

    Il-Ministru Herrera qal li biex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra, tkun imħarsa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tħejji pjan ta' tmexxija għas-sit, biex jintuża bħala qafas ċar għall-immaniġjar xieraq tiegħu. 

    Il-Ministru qal li dan jirrikejdi wkoll it-twaqqif ta' korp maniġerjali għas-sit biex jissostitwixxi lid-Dwejra Managment Board. Il-Ministru Herrera qal fil-Parlament li nhar it-Tnejn li għadda, iltaqa maċ-Ċermen tal-ERA fuq dan il-proġett fejn talbu tagħrif dwar l-istruttura ta' dan il-bord. Il-Ministru Herrera qal li l-intenzjoni tiegħu hija li jappunta l-membri ta' dan il-bord.

    Il-Ministru Herrera kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0