Il-promozzjonijiet fl-Armata: 'Sistema trasparenti u maħduma biss fuq il-meritokrazija'

  • Mej 17, 2016 00:25
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, spjega fil-Parlament kif filwaqt li s-sistema mħaddma qabel fl-għoti ta' pomozzjonijiet fl-Armata kienet ħolqot numru kbir ta’ inġustizzji, issa hemm sistema ġdida li hi trasparenti għall-aħħar u maħduma biss fuq il-meritokrazija.

    Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Etienne Grech, il-Ministru qal li qabel l-2009, il-promozzjonijiet fl-Armata kienu joħorġu meta jidhirlu l-Kap Kmandant, u ġieli damu ma ħarġu anke ħames snin. Fl-2009 kienet iddaħħlet sistema, li bdiet tiġi implimentata fl-2010, fejn eżercizzju ta’ promozzjonijiet isir kull sena u tfasslet sistema ta’ kif jinħadmu l-punteġġi.

    Madankollu din is-sistema, għalkemm irregolat il-perjodu tal-promozzjonijiet, kien fiha ħafna suġġettività u suldat kien jiġi assessjat mill-uffiċjal ta’ fuqu skont il-fehma ta’ dan tal-aħħar. L-uffiċjal li jirraporta kellu d-diskrezzjoni kollha ta’ kemm jagħti punteġġi lis-subordinati eliġibbli tiegħu. Kien hemm punti fuq integrità, determinazzjoni, kunfidenza, inizjattiva u abbiltà li jirbaħ ir-rispett ta’ ħaddiehor, fost ħafna punteġġi oħra relatati ma’ kwalitajiet personali u ta’ kmand, qal il-Ministru.

    Żied jgħid li uffiċjal seta’ faċilment ‘jilgħab’ bil-punti kif ried hu u dan kien joħloq ħafna każijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ Inġustizzja, specjalment meta bejn l-aħħar wieħed li jiġi promoss u ta’ warajh ikun hemm biss diskrepanza ta’ punt jew tnejn minn total ta’ elf punt. Suldat kien jiġi wkoll mogħti palata tajba fil-punteġġi jekk imur korsijiet jew deployments barra l-pajjiż, liema attivitajiet is-suldati ma kellhomx kontroll fuqhom għax ma kienx ikun hemm għażla min se jmur imma sempliċiment jiġu magħżulin personalment.

    Din is-sistema, qal il-Ministru, kienet ħolqot numru kbir ta’ inġustizzji, u fil-fatt kien hemm 291 każ konkluż li saret inġustizzja. Dawn ġew konklużi mill-Kap Kmandant, jew l-Uffiċċju tal-Ombudsman jew il-Bord maħtur sabiex quddiemu jitressqu allegati inġustizzji fl-Armata. Dawn il-każijiet ikopru l-eżerċizzji ta’ promozzjonijiet li saru bejn l-2009 u l-2015, jiġifieri fis-sistema ta’ promozzjonijiet l-antika. 

    Is-sistema l-ġdida ta’ promozzjonijiet, li ġiet introdotta lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet u li daħlet fis-seħħ din is-sena, neħħiet is-suġġettività u suldat issa jaf x’punti jista’ jġib f’kull eżerċizzju, u kemm attwalment ikun ġab. Dan għaliex il-punteġġi qed jingħataw biss skont il-mertu tas-suldat f’dak kollu li jagħmel u li tiegħu jkun jaf kemm ġab punteġġi, kompla l-Ministru.

    Huwa saħaq li din hija sistema trasparenti għall-aħħar u maħduma biss fuq il-meritokrazija. Apparti hekk, iddaħħlu ċerti faxex li bejniethom suldat jieħu promozzjoni awtomatika, diment li jkun laħaq ċertu punteġġi bażiċi. 

    Għal gradi oħrajn, li bejniethom ikun hemm qabża fir-responsabbiltajiet mistennija, iddaħħlu ċerti korsijiet fuq bażi professjonali li jippreparaw lil dak li jkun għall-grad li fih ikun se jkun promoss. 

    Bħalissa qed isiru diskussjonijiet sabiex dawn il-korsijiet jiġu ekwivalenti f’livell erbgħa mill-MQRIC, u għaldaqstant ċertifikat rikonoxxut għas-suldat għal meta jispiċċa mill-Forza.

    Ritratt: Ian Noel Pace

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0