Żieda fl-investiment barrani, tnaqqis fid-dejn tal-Gvern

  • Mej 04, 2016 00:00
  • Miktub minn Victor Vella

    Tliet ġimgħat ilu l-Bank Ċentrali f'konferenza li fiha ppreżenta r-rapport annwali kien ħabbar li matul is-sena 2016  l-investiment barrani f'Malta kellu jiżdied b'5 fil-mija waqt li s-sena d-dieħla kellu jkun hemm żieda ta' 4.3 fil-mija. L-istess Bank Ċentrali kien qal li l-infiq domestiku kien il-mutur tat-tkabbir ekonomiku, waqt li semma kif l-iżbilanċ finanzjarju u d-dejn tal-Gvern kienu se jkomplu jonqsu. Dan it-tbassir tal-Bank Ċentrali, issa qed ikun konfermat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. 

    Fit-tbassir li nħareġ lbieraħ mill-Kummissjoni Ewropea ġie indikat li l-konsum pubbliku se jibqa' b'saħħtu b'4.4 fil-mija għalkemm dan ifisser li hu ftit inqas minn dak tas-sena 2015. Il-konsum pubbliku, jiġifieri servizzi u prodotti li individwi jieħdu mis-servizz pubbliku se jkun ta' 4.4 fil-mija u jiżdied għal 7.2 fis-sena 2017. Kemm l-esportazzjoni kif ukoll l-importazzjoni mistennija li jiżdiedu, waqt li hu previst li r-rata ta' qgħad  tinżel minn 5.4 fil-mija għal 5.1 fil-mija.  Id-dejn tal-Gvern hu mistenni li jinżel minn 63.9 fil-mija għal 60.9 fil-mija u 58.3 fil-mija fis-sena 2017.

    Aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol… nidħlu fil-loġistika u l-ekonomija blu

    L-ekonomista Aaron Farrugia rreaġixxa għal dawn ir-riżultati u f'kummenti li tana qalilna li, "Ir-rapport fi ftit kliem jgħid li wara tkabbir ekonomiku b’saħħtu aktar milli mistenni fl-2015, it-tkabbir mistenni jimmodera iżda se jibqa’ robust fl-2016 u l-2017. Fl-2015 Malta rat tkabbir ta’ 6.3% ikkomparat ma' dak ta’ 1.6% - il-medja fiż-żona Ewro. Dan it-tbassir ikompli jibni fuq dak tal-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali li qed iħarsu lejn Malta bħala wieħed mill-aqwa muturi ekonomiċi taż-żona Ewro mibnija fuq investiment barrani dirett bla preċedent, rekord fl-ammont ta’ turisti li qed iżuru pajjiżna, effiċjenza fis-settur tal-enerġija, inċentivi li jippremjaw il-bżulija, influss ta’ nisa fis-suq tax-xogħol u pjattaforma li tmexxi lin-nies minn fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol.

    "Ma nistgħux nieqfu jew nieħdu pożizzjoni passiva. L-ekonomija taħdem f’ċikli u l-għan tal-Ministru tal-Finanzi għandu jkun li jżomm dan il-livell ta’ tkabbir ekonomiku filwaqt li jkompli jintroduċi aktar riformi u jkompli jiddiversifika l-ekonomija Maltija biex nilqgħu għall-isfidi u l-kompetizzjoni globali. Fuq quddiem nett il-bżonn ta’ programm estensiv ta’ taħriġ għal min diġa jaħdem iżda jew qiegħed f'settur kritiku jew f'settur mhux produttiv. Irridu nindirizzaw nuqqas ta' ħiliet f'ċerti oqsma, indaħħlu aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol, nidħlu f’setturi ġodda fosthom il-loġistika u l-ekonomija blu, turiżmu mediku u edukazzjoni terzjarja, naħdmu qatiegħ biex innaqqsu l-burokrazija u nkomplu niffaċilitaw aktar investiment barrani dirett.

    "Il-Ministru tal-Finanzi qed jiġi ippremjat għall-mod kawt li bih imexxi u li daħħal prattiċi biex pajjiżna ma jonfoqx aktar milli jiflaħ. Jagħmel tajjeb il-Kap Tal-Oppożizzjoni li jiġi lura mill-qamar il-għasel tal-Panama u jgħid lill-poplu kif se jkabbar l-ekonomija, kif se jqassam il-ġid, u kif se jżomm dan it-tkabbir ekonomiku u l-livell ta' investiment li Malta qatt ma' kienet rat bħalu. Tajjeb jgħid ukoll kif se jżomm dan ir-rekord ta' nies jaħdmu u xi pjan għandu biex ikompli inaqqas id-deficit. Il-qamar il-għasel għadda, Dr Busuttil. Wasal iż-żmien li tikxef il-karti," iddikjara Aaron Farrugia. 

    Ta' min jgħid li l-Kummissjoni Ewropea fit-tbassir tagħha qalet li l-ekonomija Ewropea qed tiġi indikata bi tkabbir modest u kajman matul din is-sena u s-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li f'Malta l-ekonomija se tikber b'aktar mid-doppju tal-medja fl-Unjoni Ewropea. Qed tbassar ukoll li matul is-sena 2017 l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea se tikber b'1.9 fil-mija.

    Il-Kummissjoni qalet li t-tkabbir ta' Malta hu previst li jkun ta' 4.1 fil-mija fis-sena 2016 u 3.5 fil-mija fis-sena 2017, u hi ddeskriviet dan bħala tkabbir moderat imma robust.

    Il-Kummissjoni Ewropea ma naqsitx li tinnota li huma l-konsumaturi l-aktar li qed jikkontribwixxu għat-tkabbir u dan li qed jonfqu aktar riżultat ta' żieda fl-impjiegi u tnaqqis fil-qgħad flimkien ma' aktar flus fil-but u traħħis tal-kontijiet tal-enerġija.

    Hi qed tipprevedi li l-investiment u l-konsum domestiku mistennija jibqgħu f'livelli għoljin u jkomplu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

    Tbassir ieħor tal-Kummissjoni hu li mistennija jkun hemm żieda fil-prezzijiet tas-servizzi, ir-rata tal-inflazzjoni se tiżdied għal 1.4 fil-mija din is-sena u titla' għal 2.2 fil-mija s-sena d-dieħla. 

    Il-Kummissjoni qalet ukoll li l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi se jkompli jonqos minn 1.5 fil-mija s-sena li għaddiet għal 0.9 fil-mija din is-sena u 0.8 fil-mija fis-sena 2017.  Qed jiġi mbassar ukoll li d-dejn se jinżel taħt il-limitu tal-Unjoni Ewropea jiġifieri ta' 60 fil-mija tal-ġid li toħloq l-ekonomija Maltija. 

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook