'123,075 għal raġel involut f'żewġ ħabtiet f'ġurnata

  • Apr 22, 2016 00:55
  • Miktub minn iNews
"

    Raġel ta’ 32 sena, li 14-il sena ilu weġġa’ f’inċident tat-traffiku wara li nqalbet il-karozza li kien fiha, ingħata kumpens ta’ €123,075.

    Mill-kawża rriżulta li dakinhar stess ir-raġel, li kien għad kellu 18-il sena, kien riekeb f’karozza oħra li ħabtet imma ma weġġax, waqt li kien se jittajjar ukoll minn tfajla li kienet qed tirriversja.

    L-inċident seħħ fis-26 ta’ Jannar 2002 f’Wied Inċita, limiti ta’ Ħ’Attard, waqt li Francis Zarb Adami kien qed isuq karozza li fiha kien hemm David joseph Meli, Richard Paul Bernard u Matthew Tabone, ilkoll studenti tal-liġi fl-Università ta’ Malta.

    Kien waqt li huma kienu sejrin fid-direzzjoni tar-Rabat li l-karozza tat-tip Fiat Uno ħabtet ma’ ċint u nqalbet, fejn Meli u Bernard spiċċaw “inbeżqu” mill-ħġieġa ta’ wara b’tal-ewwel isofri ġrieħi gravi.

    Meli fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Zarb Adami fejn żammu responsabbli għall-inċident u qal li huwa kien qed isuq b’veloċità eċċessiva u kien għalhekk li tilef il-kontroll tal-vettura.

    Min-naħa tiegħu, Zarb Adami wieġeb billi ċaħad li kellu jinżamm responsabbi u rrimarka li Meli kien involut f’inċidenti oħra ta’ traffiku qabel.

    Mill-provi mressqin quddiem l-Imħallef Joseph Micallef irriżulta li l-karozza ħabtet ma’ ċint, tgerbet fuqha nnifisha, ħabtet ma’ ċint fuq in-naħa l-oħra tat-triq u waqfet rasha ‘l isfel mas-‘centre strip’.

    Meli u Bernard spiċċaw inbeżqu ‘l barra mill-‘windscreen’ ta’ wara waqt li Zarb Adami u Tabone, li kien quddiem, inqabdu fil-karozza.

    Kawża ta’ dan l-inċident Meli sofra ġrieħi f’wiċċu, għonqu, spalltu tal-lemin, irkopptu l-leminija u dahru fejn kellu jagħmel kors tal-fiżjoterapija u radjoloġija fuq medda ta’ sena u seba’ xhur.

    Minħabba l-inċident Meli spiċċa ħalla l-kors tal-liġi, għalkemm wara xi żmien jistudja l-ITS iddeċieda li jerġa’ jidħol fl-istess kors. 

    Bernard ikkonferma l-verżjoni ta’ Meli fejn qal li Zarb Adami “kien għaddej mhux ħażin” u li meta talbuh biex inaqqas mill-veloċità ma tax kashom.

    Zarb Adami ċaħad li kien fis-sakra u sostna li peress li t-triq kienu għadhom kemm jagħmluha jaħseb li qabad il-bankina li kienet għolja u kien hemm li l-karozza bdiet tperper.

    Waqt li qal li jiftakar li kien qed isuq bejn 60 u 65 kilometru fis-siegħa huwa ma eskludiex li f’xi ħin kien qed isuq ben 70 u 75 kilometru fis-siegħa.

    L-Imħallef Micallef irrimarka li mill-provi miġjubin quddiemu jidher li l-inċident seħħ minħabba li Zarb Adami tilef il-kontroll tal-karozza u dan jindika li kien qed isuq b’mod negliġenti tant li anke sħabu widdbuh.

    Huwa semma li għalkemm mill-provi ħareġ li f’dak il-jum stess Meli kien passiġġier f’karozza misjuqa minn Andrew Zaffarese li kienet involuta f’inċident tat-traffiku ieħor li sar qabel u li waqt li kien qed jgħin lil ċerta Catherine Attard tipparkja din irriversjat fuq, fiż-żewġ okkażjonijiet ma sofra ebda ġrieħi. 

    Kien għalhekk li waqt li sab lil Zarb Adami ħati tal-inċident, l-Imħallef Micallef ħa konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi meta ġie biex jaħdem il-kumpens, fosthom l-età u l-fatt li Meli sofra diżabilità ta’ 10%. Huwa ordna lil Meli biex jagħti kumpens ta’ €123,075 lill-ekskollega tiegħu fil-kors tal-liġi.

     

     



    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0