Pjani biex l-operazzjoni navali tal-UE tidħol f'ibħra Libjani... Malta mhix f'riskju għoli

  • Apr 21, 2016 00:20
  • Miktub minn iNews

    Wara li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda qawwija fl-ammont ta' persuni li qed jaqsmu b'dgħajjes mil-Libja lejn l-Ewropa waqt li s-sitwazzjoni fil-Libja baqgħet waħda ta' inċertezza kbira, kollox qed jindika li l-Unjoni Ewropea qed tippjana biex l-operazzjoni navali tagħha li bħalissa hi f'ibħra internazzjonali, tkun estiża għal ibħra Libjani. Madankollu biex dan iseħħ irid ikun hemm talba mill-Gvern ta' unità.

    Jidher ukoll - u dwar dan inħarġu wkoll diversi rapporti - li truppi speċjali Ingliżi se jkunu qed jintbagħtu fil-Mediterran fejn dawn il-mira tagħhom se tkun li jintervjenu f'każ ta' attakki tal-Istat Iżlamiku f'żoni fejn ikun hemm turisti Ingliżi. Waqt li Malta mhix imsemmija ma' pajjiżi f'riskju għoli, dawk indikati bħala f'riskju għoli ta' attakk huma l-Greċja, Spanja, l-Eġittu u l-Marokk. Fil-fatt ir-riskju ta' attakk terroristiku f'Malta fl-aħħar jiem ġie deskritt bħala 'wieħed baxx' mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ingliż.

    Intant ta' min jgħid li l-operazzjoni navali tal-Unjoni Ewropea 'Sophia' kienet diġà indikat li l-pass li jmiss hu dak li l-bastimenti tagħha jibdew joperaw f'ibħra Libjani.

    Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, Federica Mogherini, fl-aħħar sigħat indikat b'mod ċar li għandha tiżdied il-kapaċità tal-missjoni navali Ewropea u dan biex tkisser ċrieki u attività tat-traffikanti umani. Dan il-pass qed jitqies bħala parti minn pakkett ta' miżuri biex itejbu l-koperazzjoni mal-Libja.  

    F'laqgħa li saret għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin u ta' Difiża, liema laqgħa saret fil-Lussemburgu, sar kuntatt ma' Fayez al Sarray, il-kap tal-Gvern ta' unità fil-Libja. F'dan il-kuntatt, Sarraj semma li waħda mill-prijoritajiet għandha tkun dik li l-Libja u l-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jikkontrollaw l-immigrazzjoni.

    Fil-laqgħa tal-Ministri Ewropej ġie deċiż li l-estensjoni tal-operazzjoni marittima 'Sophia' għandha tinkludi taħriġ lill-gwardji tal-kosta Libjani, u li tkun implimentata l-liġi internazzjonali.

    Kollox qed jindika li qabel Lulju ma jista' jsir xejn u dan peress li f'dak ix-xahar se ssir analiżi ta' l-operazzjoni navali 'Sophia.'

    Fil-kuntatt ma' Sarray, dan esprima it-tħassib tiegħu għall-ammont ta' immigranti li hemm fil-Libja. 

    It-truppi speċjali bbażati f'Ċipru se jużaw helikopters Merlin

    It-truppi speċjali Ingliżi se jkunu ibbażati f'Ċipru u b'kollox se jkun hemm 150 suldat. Dawn se jkunu mmexxija minn membri tal-SAS u se jkollhom l-għan li jintervjenu f'każ ta' xi attakki terroristiċi f'bajjiet jew kumplessi turistiċi fir-reġjun. Dawn it-truppi se jkunu jisgħu jużaw il-bastiment navali Fort Victoria u għad-dispożizzjoni tagħhom se jkollhom żewġ helikopters Merlin.

    Il-Gvern Ingliż, quddiem il-fatt li xejn inqas minn 12-il miljun Britanniku jmorru għal vaganzi fi Spanja kull sena, wissa li dan il-pajjiż jista' jkun fil-mira ta' attakki minn estremisti. Il-Gvern Ingliż wissa wkoll dwar theddid minn estremisti f'għadd ta' pajjiżi b'mod partikolari fin-nofsinhar tal-Ewropa u fl-Afrika ta' Fuq. 

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0