Il-pożizzjoni ta' Mario DeMarco mhix tenibbli - il-Prim Ministru

  • Apr 19, 2016 21:18
  • Miktub minn iNews

    Meta Mario DeMarco kien Ministru responsabbli mill-MEPA, kienu sarulu xogħlijiet fil-proprjetà tiegħu mingħajr ħlas u talab li tinħareġ invoice wara li l-kuntrattur li għamel dawn ix-xogħolijiet, isemma fil-Panama Papers. Il-pożizzjoni ta’ Mario DeMarco m’għadiex aktar tenibbli bl-istess kejl li jitkellem dwaru l-Kap tal-Oppożizzjoni.

    Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li llejla kien qiegħed jieħu sehem fil-programm Ħu Siġġu fuq ONE.

    Il-Prim Ministru spjega kif il-każ ta’ DeMarco huwa aktar gravi minn dak ta’ Beppe Fenech Adami hekk kif DeMarco kien qed iservi bħal Ministru u għalhekk il-pożizzjoni tiegħu m’għadiex aktar tenibbli. Lest il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario DeMarco jagħmel bħal m’għamel Ian Borg u jippubblika l-kuntratt u l-irċevuti kollha? Imma din il-biċċa xogħol Mario DeMarco ma jistax jagħmilha, saħaq il-Mexxej Laburista.

    Simon Busuttil għandu sitwazzjoni fejn il-Viċi Kap tiegħu qed jikser kull regola li qed jipprova jdaħħal hu, hekk kif anke tkellem fuq rigali għall-membri tal-Kabinett. Dr Muscat għamel referenza wkoll għall-iskema taċ-ċedoli li qed jimbotta ‘il quddiem il-Partit Nazzjonalista u qal li din hija skema taċ-ċedoli tal-korruzzjoni u li turi d-double standards tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għandu kejl differenti għall-Gvern u għall-Oppożizzjoni tiegħu. Dr Muscat semma wkoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel flejjes kbar bħala l-avukat tal-lobbies.

    Żewġ mistoqsijiet prinċipali mid-dikjarazzjoni ta' Simon Busuttil

    Joseph Muscat tkellem fuq id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ fil-Parlament, li huwa kellu l-istess pjan tal-enerġija u qal li minn dan kollu jqumu żewġ mistoqsijiet. L-ewwel, jekk kellu dan il-pjan f’idejh, għalfejn qal li dan il-pjan ma jistax iseħħ tant li sejjaħlu Alice in Wonderland?, it-tieni għaliex la kellu l-pjan f’idejh ma raħħasx il-kontijiet hu?. Kieku ried Simon Busuttil seta’ ħa t-tapit minn taħt saqajna la kellu l-pjan meta aħna konna ilna 5 snin ngħidu li se nraħħsu l-kontijiet, qal il-Prim Ministru filwaqt li semma kif huwa ma jaħsibx li dan ma sarx b’intenzjoni meta fl-istess waqt kien għaddej l-iskandlu fuq il-commissions tax-xiri taż-żejt.

    Il-Mexxej Laburista sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal hekk ilbieraħ biex jgħid li kollox kien miftiehem minn qabel, meta kulħadd kien jaf li kien hemm 17 –il konsorzju li wrew interess f’dan il-proġett.

    Simon Busuttil ilbieraħ qal li huwa ma kienx parti mill-Gvern ta’ qabel, mela x’kien, saħaq Dr Muscat filwaqt li tenna kif Simon Busuttil fl-aħħar Gvern qatt ma tkellem kontra l-korruzzjoni u dejjem dawwar wiċċu n-naħa l-oħra għaliha u kif kien jgħid Eddie Fenech Adami, min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korott.

    Investiment ta’ €30miljun mill-Playmobil li se jfisser 200 impjieg ġdid

    Dr Muscat tkellem fuq l-investiment li ser tagħmel il-kumpanija Playmobil, li permezz tiegħu se jkunu maħluqa minimu ta’ 200 impjieg iżda li jistgħu jitilgħu sa 300. Il-Mexxej tal-Partit Laburista spjega kif il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija semma kemm kien importanti l-ftehim kollettiv iffirmat mal-GWU.

    Dwar dan l-investiment, Joseph Muscat stqarr kif it-tneħħija tal-burokrazija żejda kienet fattur importanti, fejn saru diversi laqgħat u nqattgħu proċessi twal filwaqt li semma wkoll kif ir-regoli l-ġodda tal-ISPED għenu ħafna wkoll. Il-Prim Ministru stqarr li l-ikbar tħassib tal-kumpanija huwa li jinstabu ħaddiema Maltin bizzejjed.

    Fuq il-kwistjoni tal-faqar, Dr Muscat stqarr li filwaqt li dan il-Gvern naqqas in-numru ta’ nies fil-faqar u ta sinjal b’saħħtu, xorta għad fadal xi jsir u stqarr li għandu jkun hemm aktar għajnuna, fosthom aktar benefiċċji, filwaqt li din il-problema tkun miġġielda permezz tal-edukazzjoni u x-xogħol.

    Fl-aħħar nett Joseph Muscat semma l-vot ta’ fiduċja li kien hemm ilbieraħ fil-Parlament, vot unanimu u b’saħħtu min-naħa tal-Gvern. Fiduċja ċara u b’saħħitha fil-Gvern sostna l-Prim Ministru filwaqt li semma kif mhux ta’ b’xejn li lill-Kap tal-Oppożizzjoni nsejjħulu negattiv meta lanqas biss għandu idea ta’ kif se jmexxi lill-pajjiż. Jiena se nkun qed nieħu d-deċiżjonijiet la jkolli l-fatti f’ideja iżda l-iktar importanti li komplejna naħdmu, li qed inkomplu nattiraw l-investiment u noħolqu l-postijiet tax-xogħol, temm jgħid Dr Muscat.

    Hija l-pożizzjoni ta' Muscat li m'għadhiex tenibbli 

    B'reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li disa' ġimgħat wara li faqqa' l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, l-pożizzjoni ta' Joseph Muscat bħala Prim Ministru m'għadiex tenibbli. Flok ħa d-deċiżjoni li kellu jieħu mill-ewwel, Joseph Muscat iddefenda bl-aktar mod qawwi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama – difiża li tkompli żżid is-suspetti li Muscat hu nvolut hu wkoll f'dawn l-istrutturi finanzjarji.

    Joseph Muscat irid ikollu wiċċu tost li moħħu biex jgħajjar lil ħaddieħor u jipretendi li jirriżenja kulħadd ħlief hu. Hija ipokresija grassa minn Muscat li f'nifs wieħed, jattakka lil Mario de Marco u jipretendi li dan jirriżenja għaliex uża s-servizzi ta' Redmap Ltd, u f'nifs ieħor jiddefendi lis-Segretarju Parlamentari tiegħu Ian Borg li wkoll uża s-servizzi tal-istess kumpanija.

    Aktar ma jitkellem Muscat, aktar qed jitlef il-kredibilità. L-uniku ħaġa li messu jagħmel hi li jitlaq u jħalli lill-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja normali, Ewropea u demokratika, qal il-PN.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0