Aġġornat kontinwament: Naċċettaw dan il-vot b'umiltà kbira u nkomplu naħdmu - PM

  • Apr 19, 2016 00:17
  • Miktub minn iNews

    22:25: F'kumment barra l-Parlament ftit mumenti wara l-votazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li, “Naċċettaw b'umiltà kbira dan il-vot u nkomplu naħdmu.” Huwa rringrazzja lid-Deputati Laburisti li bla eċċezzjoni mhux biss ivvotaw imma tkellmu b'konvinzjoni dwar ix-xogħol kollu li wettaq dan il-Gvern. Huwa qal li Simon Busuttil bil-mozzjoni tiegħu fil-fatt ta lill-Gvern vetrina eċċezzjonali biex jitkellem dwar it-tajjeb li sar fl-aħħar tliet snin u x-xogħol li se jkompli jsir fis-sentejn li ġejjin.

    Il-Prim Ministru qal li kien sorpriż li Simon Busuttil qal li kien ilu żmien jaf li seta' jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma imma ma raħħashomx u baqa' għaddej bis-sistema antika li biha n-nies komplew iħallsu bl-għoli. 

    Mistoqsi x'se jiġri issa fil-konfront ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, il-Prim Ministru qal li dak li ġara llum mhux skuża għal nuqqas ta' azzjoni, iżda d-deċiżjoni finali trid tkun waħda infurmata u għalhekk jeħodha meta jkollu l-informazzjoni kollha f'idejh.

    22:04: Ir-riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda mressqa mill-Gvern huwa 38 vot favur u 31 vot kontra. Il-mozzjoni emendata għaddiet bi 38 vot favur u 31 vot kontra. Għalhekk il-mozzjoni oriġinali ta' sfiduċja ma għaddietx.

    21:27: Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal li persuna li ltaqa' magħha qaltlu li l-Gvern ta' Joseph Muscat qed jegħreq fl-iskalora. "Xi ħadd qed jegħreq fl-ilma tista' ssalvah imma xi ħadd li qed jegħreq fl-iskalora ma tistax issalvah għax dejjem jibqa' nieżel 'l isfel. Dan il-Gvern issa kiser il-fiduċja u meta tiksirha titlifha għal dejjem," qal Simon Busuttil.

    Qal li l-fiduċja hi bħal ġarra jew vażun, u din meta twaqqagħha tinkiser. Spjega li, "Il-fiduċja li kellu dan il-Gvern remieha b'kapriċċ. Dan hu Gvern fi kriżi ta' korruzzjoni u dan kien sa mill-bidu nett tiegħu.”

    Simon Busuttil uża kliem bħal 'intiena', 'tafu tistħu', 'x'viltà' u 'int taf tistħi Prim Ministru'.

    Hu rrefera għal żjara li kienet saret fl-Ażerbajġan u li fiha ma ttiħdux uffiċjali pubbliċi u ddikjara li, “Jien ma nsifirx f'isem pajjiżi mingħajr ma jkun hemm uffiċjali pubbliċi.”

    Enfasizza li, "Jien qed nimpenja ruħi li fl-ewwel okkażjoni li jkolli meta nkunu fit-tmexxija tal-pajjiż, nippubblikaw dawn il-kuntratti u ninvestigawhom. Kif nista' nserraħ rasi li fil-bejgħ tal-isptarijiet jew xiri ta' żejt m'hemmx korruzzjoni? Kull kuntratt li jidħol għalih il-Gvern għandu jkun ippubblikat.”

    Simon Busuttil appella lill-membri tal-Gvern biex fil-votazzjoni jħarsu l-interess nazzjonali u indirizza personalment lill-Ministru Leo Brincat, lill-Ministru George Vella, lill-Ministru Louis Grerch u lill-Ministru Edward Scicluna biex jivvutaw favur l-interess nazzjonali u għalhekk jivvotaw favur il-mozzjoni.

    21:05: Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis iddikjara li "fuq il-governanza fadlilna x'nagħmlu". Qal li l-politika tal-Oppożizzjoni hi dik ta' negattività u li jgerrex l-investiment. Qal li Busuttil għandu l-politika taċ-ċedoli u din tmur kontra l-ispirtu tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.

    20:50: "Nassigurak li jien f'ħajti ħallast kull kont li kelli. Dejjem insistejt li nħallas u m'għandi bżonn pjaċiri mingħand ħadd. Ħadd mhu se jipprova jħammarli wiċċi,” qal il-Viċi Kap tal-PN, Mario Demarco, illejla b'referenza għall-każ li tqajjem dwar il-fatt li Redmap Construction, kumpanija ta' Pierre Sladden li hu wieħed minn negozjanti li ismu jidher fid-dokumenti ta' Panama Papers.

    Din għamlet b'€34,000 f'xogħlijiet li saru fl-2011 fuq proprjetajiet tal-Viċi Kap Mario Demarco. Ġie allegat li x-xogħlijiet tħallsu x-xahar li għadda u l-pagament saru fl-istess żmien li ġie żvelat li Pierre Sladden kellu kumpaniji offshore fil-British Virgin Islands.

    Il-Viċi Kap Nazzjonalista Mario Demarco kompla jgħid li l-Prim Ministru flok ħa azzjoni kif qallu l-Ministru tal-Finanzi, għażel li jipproteġi l-ġid tal-Ministru Konrad Mizzi u ta' Keith Schembri.

    Tenna li, "Sa issa rajna Prim Ministru li flok ħa azzjoni staħba wara proċess ta' awditjar. Għamel dan mingħajr ma qalilna min qed jagħmlu u meta se jitlesta. Dak li se jirriżulta mill-awditjar hu totalment irrilevanti u dan għax il-kwistjoni mhix l-awditjar. Il-kwistjoni hi li ministru tal-Gvern fetaħ kumpanija fil-Panama biex fiha jintefgħu flus minn riċiklaġġ u mill-industrija tal-gaming."

    20:24: Il-Viċi Prim Ministru Louis Grech għadu kif ħabbar li d-deputati kollha tal-Gvern se jivvutaw favur l-emenda li tressqet mill-Gvern.

    20:21: Il-Viċi Prim Ministru Louis Grech qal li din il-mozzjoni ta' sfiduċja mhi xejn għajr opportuniżmu politiku.

    Sostna li "qatt fl-istorja ta' pajjiżna ma kien hemm stennija għal standards għoljin. Nafu li l-argument li għax huma kienu jagħmlu hekk ma jreġix mal-poplu. M'aħniex se naqgħu fin-nassa li kienu waqgħu fiha ta' qabilna. Kien hemm episodji li stajna evitajniehom u kien hemm affarijiet li mhux dejjem għamilniehom bl-aħjar mod."

    Hu sostna li fiż-żmien li ġej il-Gvern se jindirizza b'mod qawwi l-kwistjoni tal-governanza u qal li se jitwaqqaf pjan għal dan il-għan. Spjega wkoll li se jittieħdu miżuri dwar ħasil ta' flus u evażjoni ta' taxxa.

    Tenna li jaqbel ma' min jargumenta li l-Partit Nazzjonalista qed jaġixxi b'mod sproprzjonat basta jilħaq l-għanijiet tiegħu. Tenna li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hi waħda ta' konfrontazzjoni.

    20:07: Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, qal li l-Oppożizzjoni għandha kilba kbira għall-poter u qed timxi bl-istrateġija ta' ifred ħa ssaltan. Tenna li dan il-Gvern jara lil Għawdex bħala mutur li jixpruna l-ekonomija Maltija. Hu spjega li fil-qasam tas-saħħa f'Għawdex kien hemm qabża kbira ta' kwalità fejn għadd ta' Maltin qed jagħmlu operazzjonijiet f'Għawdex. Hu enfasizza li dan il-Gvern hu impenjat li jtejjeb l-aċċessibilità f'Għawdex. Hu qal li dan qed isir kuntrarjament għal kif mexa l-Gvern Nazzjonalista fejn kollox kien baħħ.

    20:02: Id-Deputat Laburista Emanuel Mallia qal li hu jemmen fis-saltna tad-dritt, fejn min ikollu suspett ta' xi ħaġa jmur għand l-awtoritajiet responsabbli. Waqt li enfasizza li m'għandux jinħela aktar ħin tal-Parlament, qal li fis-saltna tad-dritt eventwalment jieħu r-raġun. Bħala eżempju semma' persuna li kienet uffiċjal taċ-Ċivil u din kienet sarulha ħafna allegazzjonijiet sitt snin ilu u proprju llum b'sentenza tal-Qorti din naddfet isimha.

     

    19:31: Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda l-intervent tiegħu billi semma' kif għadu kif sar magħruf li mietu 400 persuna mgħarrqin fil-Mediterran. Wara suġġeriment tiegħu l-Parlament waqaf għal ftit sekondi b'turija ta' rispett. Hu spjega li "l-unika strateġija li għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hi dik li ma jagħmel xejn biex ma jiżbaljax.

     

    Komdu ma tagħmel xejn imma mbagħad ma jispiċċawx il-mediċini out of stock. Jekk nagħmlu bħal Oppożizzjoni ma togħliex il-pensjoni u ma jidħlux id-drittijiet ċivili. "Fuq il-governanza rridu nagħmlu aktar. Sa tmiem din is-sena se nippubblikaw il-bqija tal-kuntratti kollha u b'hekk se nuru li ma nibżgħux mit-trasparenza. Bħala Gvern għamilna żbalji iżda l-Oppożizzjoni miexja mill-ħażin għall-agħar."

    "M'għandux il-kuraġġ jieħu azzjoni kontra l-Viċi Kap Mario Demarco. Sa issa għadu lanqas tkellem u ma naħsibx li se jitkellem. Preċedessur tiegħu, kien qal li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott. Lil Busuttil ma smajniex jieħu azzjoni fuq kwistjonijiet li fnew il-Gvern preċedenti. X'għamel fuq l-iskandlu taż-żejt?", sostna l-Prim Ministru.

    Bil-Prim Ministru jipponta subgħajh u jħares dirett lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, irrepeta għal tliet darbiet wara xulxin li 'min ma jiġġildix il-korruzzjoni hu korrott'. Bil-Prim Ministru jistaqsi kif jista' jieħu lezzjonijiet mingħand membri tal-Oppożizzjoni meta hemm membri bħal Toni Bezzina li uża ħaddiema tal-Gvern f'xogħlijiet ta' każin Nazzjonalista, jew mingħand Claudio Grech li kien qed jinnegozja ma' Smart City u f'daqqa waħda mar Kap Eżekuttiv.

    Semma lil Tonio Fenech u qal li dan kellu Kap tas-Segretarjat li ammetta li kien jieħu flus biex jirranġalhom għat-taxxa. Hu sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid jekk hux se jippubblika l-ismijiet ta' min se jagħti s-self lill-Partit Nazzjonalista. Joseph Muscat qal li "l-affarijiet mhux biss iridu isiru legalment imma korrettament. Nixtieq dibattitu ieħor ta' 13-il siegħa biex kull wieħed u waħda minnhom jgħid x'se nagħmlu fis-sentejn li ġejjin. Il-Kap tal-Oppożizzjoni irid jifhem li aħna naċċettaw l-iskrutinju imma se nkomplu naħdmu biex nuru li verament Malta qed tinbidel".

     

    18:59: Wara l-intervent li għamlet fil-Parlament, id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia, waqt li sostniet li trid li l-Gvern Laburista jitnaddaf biex ikompli jagħmel il-ġid, ħabbret li hi se tressaq mozzjoni ta' sfiducja fil-Ministru Konrad Mizzi biex il-Gvern Laburista jkun jista' jibqa' jmexxi sew. L-Ispeaker qalilha li dan mhux il-mument li tressaq dik il-mozzjoni għax hemm perjodu ta' żmien li jrid jiġi segwit. Hija qalet li l-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu kont fil-Panama kien biżżejjed biex il-Prim Ministru jitlob ir-riżenja tagħhom. Farrugia qalet li tixtieq li l-Gvern jitnaddaf u jitfarfar minn dan il-ħmieġ li qed iħammarlu wiċċu. Fid-diskors tagħha kellha kliem iebes għalll-mod kif Mizzi nnegozja l-privatizzazzjoni tal-Enemalta u akkużatu li daħak bil-ħaddiema tal-Enemalta. Hija ddeskriviet ukoll liċ-Chief-of-Staff tal-Prim Ministru bħala Keith Skandli Schembri.

    18:09: Il-Ministru Leo Brincat qal li huwa pprova jfittex il-viżjoni fil-mozzjoni ta' sfiduċja imma ra li flok toffri soluzzjonijiet il-mozzjoni kellha t-tir li tipprova tinstiga lill-membri parlamentri tal-Gvern biex ineħħu lill-Prim Ministru. Huwa staqsa jekk l-Oppożizzjoni riditx taħtar il-Prim Ministru li trid hi u miegħu anke l-kabinett li trid. Dwar Panama Papers semma kif Muscat diġa qal li se jiddeċiedi meta jkollu l-fatti kollha f'idejh għalkemm saħaq ukoll li l-Gvern irid juri li kapaċi jirrikonoxxi l-iżbalji li jagħmel. Brincat insista wkoll li l-membri parlamentari tal-Gvern għandhom jgħinu lill-Prim Ministru b'imġiebthom.

    17:51: Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-PL kien pożittiv fl-Oppożizzjoni u baqa’ hekk fil-gvern, waqt li qal li huwa ta’ għajb li l-PN qed jipprova jagħmel ħsara barra minn Malta kif kien għamel meta kien fl-oppożizzjoni. Waqt li ddeskriva lill-PN bħala partit li qed ikun negativ u qed jirrikorri għal protesti fit-toroq fi strateġija biex tiżbilanċja gvern, il-kelliem qal li Busuttil jgħir għas-suċċess li qed jagħmel Muscat waqt li saħaq li huwa onorat li qed jaħdem fi ħdan il-gvern immexxi minnu.

    17:42: Il-Ministru Helena Dalli qalet li kuntrarjament għal dak li qalu kelliema tal-PN, li tagħhom huwa l-partit tal-ugwaljanza, il-verità hi li l-PL huwa l-gvern tal-ugwaljanza. Hija semmiet kif il-Gvern ħadem biex hawn drittijiet għall-persuni omosesswali, biex il-faqar beda jonqos, biex jindirizza l-problema tax-xogħol prekarju, biex hawn iktar nisa jaħdmu u biex iqajjem aktar kuxjenza dwar il-vjolenza domestika u issa qed jaħdem biex titwaqqaf kummissjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    17:31: Id-Deputat Laburista Franco Mercieca qal li ma jistax jifhem għalfejn il-PN ressaq mozzjoni ta' sfiduċja meta jaf li se jitlifha. Huwa staqsa jekk dan sarx biex jitfgħu dell ikrah fuq il-pajjiż u biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż u jġibu instabilita. Mercieca qal li dan il-Gvern m'għamilx kollox sew imma 30 sena oħra n-nies se jaraw li dan kien perjodu ta' ġid kbir għall-pajjiż li l-PN ried itellef.

    17:16: Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li fid-diskors tiegħu Konrad Mizzi qisu waqa minn pjaneta oħra. Waqt li qalet li Allaħares ma kienux il-ġurnalisti li kixfu l-storja, hija nfexxet tgħidlu kliem bħala "għarukaża", "tal-mistħija", "not fit for purpose" u "shame on you" u qalet li ma kellix għalfejn tgħidlu "barra" għax telaq inkiss inkiss mil-Parlament bħalma daħal.

     

    17:00: Waqt l-intervent tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi appella lill-membri parlamentari biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni li jiġġudikawh fuq dak li jingħad fil-media jew fuq il-perċezzjoni imma jistennew l-audit indipendenti u dak tat-taxxa. Huwa nsista, li seta għamel għażla aħjar minflok il-Panama u rrikonoxxa li seta ħaseb aktar dwarha, imma nsista li m'għamel xejn ħażin u dak li għamel għamlu għall-ġid tal-familja mingħajr intenzjoni ħażina. Waqt li qal li dejjem qal il-verita u dejjem iddikjara dak li qal, Mizzi qal li se jissottometti dak li għandu fid-dikjarazzjon lil-membri parlamentari. 

     

    16:39: Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-maġġoranza tal-poplu temmen li għandna Gvern korrott, anke dawk li vvutaw għall-PL fl-aħħar elezzjoni. Hu akkuża lill-Prim Ministru li ma għamel xejn quddiem dan l-iskandlu ħlief iddefenda l-gideb. Huwa rrefera għall-iskema taċ-ċedoli u qal li din hi skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti u kiteb lill-MFSA qabel beda l-proċess. L-MFSA ma kellha ebda problema. Said qal li l-PL ipprova jkissirha għax raha li se ssaħħaħ PN u qal li min se jgħin lill-PN se jkompli jsaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiż.

    16:23: F'intervent id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-Gvern hu involut fl-ikbar skandlu ta’ korruzzjoni internazzjonali u għadu ma semax kelliem wieħed li ddefenda xi ħaġa mill-każ tal-Panama. Huwa qal li dan l-iskandlu jrid jittieħed fil-kuntest ta' skandli oħra. Puli akkuża lill-Prim Ministru li ilu seba’ ġimgħat jiddefendi l-korruzzjoni. Il-kelliem qal li l-Prim Ministru tilef l-awtorità morali meħtieġa biex imexxi pajjiż u semma kif l-awditjar dwar il-Panama se jinvestiga biss l-informazzjoni li qed jagħti biss dak li jkun fetaħ il-kont.  

    16:15: Id-Deputat Laburista Joseph Farrugia iddeskriva l-mozzjoni tal-Gvern bħala waħda distakkata mill-poplu għax il-poplu huwa ottimist. Dan juruh kemm rapport wara ieħor tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll is-sentiment fil-poplu. Huwa qal li l-Oppożizzjoni mhux se jirnexxielha twaqqaf il-ħidma tal-Gvern u nsista li n-negozju stabilita jrid u mhux teatrini għall-ksib tal-punti politiċi.

     

    16:09: Il-Ministru Evarist Bartolo qal li tajjeb li nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw fejn ninsabu u sejrin, fejn issodisfajna x-xewqa u fejn iddiżappuntajna u mxejna ħażin. Huwa qal li rridu nirranġaw fejn għamilna ħażin u semma li waqt li, importanti l-fiduċja fil-Parlament, hija importanti aktar l-fiduċja taċ-ċittadin fejn qal li diffiċli tiksibha imma faċli titlifha. Bartolo sostna li jekk ikun hemm sfiduċja fil-politiċi din tkun ta' theddida għad-demokrazija. Waqt li appella biex iż-żewġ naħat ma jitfgħux tajn lejn xulxin, huwa qal li kulħadd irid jagħmel eżami tal-kuxjenza u staqsa kif jista' jitwemmen il-PN meta huwa kontra moħba fil-panama imma mhux kontra moħba f'Malta.

    15:50: Robert Arrigo qal li taħt dan il-Gvern kellna sensiela ta’ żbalji u skandli li qed jgħajjew lin-nies. Huwa fakkar kif fi żmien Gvern Nazzjonalista kien tkellem dwar is-‘slow puncture’ li kellu l-Gvern u kien hemm min daħak bih imma wara tkaxkira ħafna qalulu li kelli raġun. Illum għandna erba ‘slow punctures’ u waqgħet il-magna. Arrigo qal li fl-aħħar ġimgħa Malta waqqfet u peress li Muscat huwa salesman mhux mekkanik ma jafx jekk se jirranġax sitwazzjoni. Fl-istess waqt saħaq li l-Gvern għandu dritt jibqa’ jiggverna u jara l-konfużjoni li hemm fih illum u jirranġa ħalli Malta timxi ‘l quddiem.

    15:45: Joe Debono Grech staqsa ta’ xiex trid tagħtiħ vot ta’ sfiduċja lill-Gvern, jekk hux talli rranġa, fost oħrajn, is-sitwazzjoni fl-isptar u l-mediċini out of stock. Debono Grech qal li anke wara li tneħħa Ġorġ Borg Olivier minn Kap tal-PN u floku laħaq Eddie Fenech Adami, fl-1971 l-PN beda jagħmel ostakli lill-Gvern Laburista. Huwa qal li għandu fiduċja fil-Prim Minisru u qal li jmissu jistħi l-PN jagħmel ħsara lill-pajjiż barra minn Malta.

    15:33: Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li wara tliet snin ta’ Gvern Laburista l-pajjiż jinsab mifni bi skandlu wara l-ieħor u skandlu ikbar minn ieħor. Il-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni u kriżi politika u mhux sew li qed iħallas il-poplu. Hija qalet li wara tmien ġimgħat mill-iskandlu tal-Panama l-Prim Ministru aġixxa biss bħala avukat difensur ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Muscat qal li se jistenna audit qabel jiddeċiedi imma ma talabx lill-Kummissarju tal-Pulizja biex jinvestiga u donnu qed jiddejjaq jirfes il-kallijiet.

     

    15:21: Fl-intervent tiegħu d-Deputat Laburista Charles Mangion qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova tiddistabilizza lill-Gvern imma aħna ninsabu maqgħudin wara l-Prim Ministru. "Għandna fiduċja sħiħa fih li kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet fil-mument opportun". Huwa semma kif anke l-konsulent tal-PN Simon Mercieca qal li din il-mozzjoni żbaljata u ikkritika lill-Oppożizzjoni li taħt Simon Busuttil spiċċat distruttiva.

    15:17: Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li xi kultant inkunu vittma suċċess. waqt din il-mozzjoni qed nuru x’għamilna. Dan hu Gvern li telaq minn pożizzjoni underground fil-mod kif kien qed jitmexxa l-pajjiż. F’dawn is-sentejn saru diversi policies li jissuperaw in-numru ta’ policies fit-tmien snin ta’ qabel fejn jidħol ippjanar. Sar ħafna xogħol biex innaqqsu l-burokrazija fl-ippjanar. Saret d-demerger tal-MEPA. hija saħqet li l-Gvern qed jaħdem biex jiġi rriformat id-dipartiment tal-artijiet fejn eventwalment se jsir awtorita.

     

    15:02: Storiku Ruman Tacitus tkellem kontra l-barka u l-kunsens passiv ta’ kulħadd għal att imwettaq ħażin mill-ftit. Jekk Gvern ma ridx naslu s’hawn missha intrefgħet responsabbiltà. M’aħnix nagħmlu dan biex niddistabilizzaw il-Gvern, huwa l-Gvern li qed jiddistabilizza lilu nnifsu. Gvern li qed itappan il-kredibilità tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Dan il-gvern qed jagħmel biċċa xogħol eċċellenti biex igerrex negozji minn pajjiżna. Huwa Gvern li qed joħloq instabilita politika. Sitwazzjoni li ma tawgurax ambjent politiku feliċi biex jiġu negozji Malta. Dan qalitu d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono waqt l-intervent tagħha fid-dibattitu tal-lum. 

    14:59: Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tkellmet dwar il-miżuri li l-Gvern ħa u qed jieħu b'risq il-persuni b'diżabilità u l-anzjani. Hi qalet li għad fadal x'iwettaq biex juri li mozzjoni hija kontra dan ix-xogħol kollu li saru u kontra l-poplu għalhekk l-Membri Parlamentari Laburisti se jivvutaw kontra anke għax għandhom fiduċja f'Joseph Muscat.

    14:49: Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li dan il-każ weġġa lill-laburisti ġenwini u isem Malta ċċappas fil-lista tal-iktar nies korrotti. Huwa qal li l-Prim Ministru għandu jirrealizza l-problema li jinsab fiha pajjiżna għax mhux qed jirrealizza dan. Dan mhux l-ewwel skandlu li laqat lil Kastilja. Waqt li hemm nies viċin il-Gvern li qed jippruvaw jaħbu flushom barra, ħafna Maltin iridu jħallsu t-taxxi temm Bezzina.

    14:47: Id-Deputat Deo Debattista qal li dwar il-Panama Papers il-Prim Ministru qed jagħrbel is-sitwazzjoni u fil-ħin opportun jieħu deċiżjonijiet ġusti mentri ikkritika lill-Oppożizzjoni li s-soluzzjonijiet li għandha hija li jkun hawn ir-riżenji. Huwa qal li m'hawn ħadd fil-Parlament li jaf jagħmel xogħol aħjar minnu u jinsab ċert li l-Prim Ministru se jkompli jsolvi l-problemi li għandu l-pajjiz.

    14:28: Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech irrefera għal dibattiti politiċi u ddeskrivihom bħala dibattiti tribali, pwerili u banali. Iddikjara li "spiċċa ż-żmien li politiċi jitkellmu fuq mannara u sejf. Ma nemminx fil-politika ta' isteriżmu imma fil-politika tar-raġuni. Il-kritika trid issir fuq is-sustanza tal-fatti u għalhekk id-dibattitu ta' llum irid isir f'kuntest tal-bażi tal-fatti, mibni fuq sustanza u li jirrispetta l-intelliġenza ta' min qed isegwi. Kulħadd qed jaqbel li minħabba l-Panama Papers pajjiżna għaddej minn żmien diffiċli." Tenna li l-Gvern baqa' jżomm sigriet għadd ta' ftehim li saru fosthom dak ta' fejn inbiegħ terz tal-Enemalta. 

    14:23: Id-Deputat Laburista Joe Sammut qal li fir-realtà Gvern Laburista mexxa 'l quddiem l-ekonomija. "Kulħadd qed iħares lejn pajjiżna biex jiġi jinvesti. Dan seta' jsir biss bit-tmexxija għaqlija ta' Joseph Muscat" iddikjara Sammut. Hu qal li dak li qed jiġri bħalissa fejn il-kelma skandlu qed tissemma' qisu xejn mhu xejn ifakkrek f'dak li kien jiġri fit-tmeninijiet. 

    14:13: Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li hi oxxena dik li l-Ministru jgħid li se jżid il-pensjoni tal-persuni b'diżabilità. Mhux aċċettabbli li jintużaw dawn in-nies biex naljenaw. Ħadd u xejn imma mhu se jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni. Nappella lill-unjins, għaqdiet, organizazzjonijiet, dawk involuti fin-negozju, Laburisti u Nazzjonalisti għandna naraw li l-Gvern għandu jħares l-interess nazzjonali."

     

    14:00: Id-Deputat Laburista Etienne Grech tenna li "l-Gvern hu stabbli u magħqud. Daqs il-konkos imma mhux daqs dak tal-Isptar Mater Dei. Il-Panama Papers ma kinux qed jiċċentraw fuq pajjiżna. Il-ftit li ssemmiet Malta kienu affarijiet li konna nafu diġa. Simon Busuttil jibqa' jipproġetta ruħu taparsi nadif. X'se jagħmel wara li sar magħruf li sar xogħol b'xejn minn kumpanija ta' Pierre Sladden, fejn wara li Demarco xamm l-inkwiet li kien ġej, dan talab l-irċevuti. Biex itaffu d-dejn li għandhom daru mal-liġi biex jiġbru l-flus."

     

    13:52: Id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli qalet li bl-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi f'negozjati mas-SOCAR dwar il-fjuwil, il-pajjiż tilef €14-il miljun. "Għaliex il-Gvern ma jridx jippubblika l-kuntratti tal-hedging? Tgħid hemm min ħa brokerage fee? Tgħid dawn il-miljuni sabu ruħhom f'xi kont tal-Panama? Prim Ministru stabbilità fil-prezz tal-fjuwil biex ikun hemm min jieħu l-konsulenzi jew brokerage fees? Għandu jgħidilna li d-dijżil minkejja li reġa' raħas, illum għadu għola bi 8 fil-mija mill-medja Ewropea. Anki fuq il-petrol qegħdin għola mill-medja Ewropea fil-prezz. Nistaqsi fejn sejrin dawn il-miljuni?. DNV Kema ingħataw direct orders mill-Ministeru u dawn huma l-istess nies li kienu ppreparaw id-dokument u kienu preżenti għall-preżentazzjoni li saret qabel l-elezzjoni fuq l-impjant tal-energija l-ġdid. Il-ministeru ma tax informazzjoni fuq id-direct order ta' DNV Kema. Għaliex dan il-ħabi kollu? Min jaf hemmx aktar Gaffarenijiet? Sa llum għadni bla tweġiba dwar artijiet tal-gvern li għaddew għand terzi. Tgħid nisimgħu b'aktar Gaffarenati 'l quddiem? Inħoss li Joseph Musct tilef l-awtorità morali u ma jixraqlux imexxi". 

    13:33: Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li xejn inqas minn 80,000 ħaddiem naqsitilhom il-paga. Qal li hemm morda bil-kanċer li qed imorru jitkarrbu għand il-President. Spjega li minkejja li ż-żgħar u l-ħaddiema qed jaqilgħu fuq rashom, dawk li hemm f'Kastilja qed jiftħu l-kontijiet sigrieti u l-Prim Ministru jgħattilhom. Jason Azzopardi qal li 'naqbel ma' dak li qal Silvio Parnis, li nattakkaw l-argument u mhux il-persuna. Ma naqbilx imma ma' dak li qal Chris Fearne li jien inċitajt in-nies il-Belt. Fit-Torċa stess, Fr. Mark Montebello kiteb li "lil Jason Azzopardi ammirajtu għax kemm il-darba deher iwaqqaf lin-nies". Mhu minnu xejn li inċitajt lin-nies jew li għedt kliem mhux xieraq". 

     

    13:20: Id-Deputat Laburista Silvio Parnis fil-Parlament għamel l-appell u qal li "ma nistgħux nibqgħu nimxu wara l-bloggers. Intom kompliċi mal-bloggers. Ġejtu hawn tgħajru l-kollega tiegħi. Fil-każ ta' Chris Cardona dħaltu personali fil-ħajja privata. Jekk irridu għandna stejjer fuq ħajja privata ukoll. Min qed jiġi hawn qed jagħmel sagrifiċċji kbar. Noqogħdu attenti biex ma jitkissrux familji. Dħalt fil-politika għax irrid li jsiru l-bidliet", temm jgħid Silvio Parnis.

    13:12: Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela iddikjara li l-problema li għandu pajjiżna hu l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, li għadhom ma aċċettawx li tilfu l-poter. Hu semma li sa issa l-Ministeru tal-Intern wettaq 57 fil-mija tal-programm elettorali. 

    12:52: "Din mhix tentufa li qed naqbduha magħha kif qal Roderick Galdes. Dan hu pagun mimli tentuf". Dan sostnieh id-Deputat Nazzjonalista Roderick Galdes. "Smajt lill-Ministru Owen Bonniċi u dan qal li ma jistax ikun hawn korruzzjoni għax l-ekonomija sejra tajjeb. Ma nagħmlux mod li dan ifisser li tista' tiddaħħal xi ħaġa fil-but?", tenna Ryan Callus.

    Chat conversat 

     

    12:47: Id-Deputat Laburista Charles Buhagiar, fl-intervent tiegħu fil-Parlament spjega kif kuntrattur kbir f'pajjiżna qallu li bagħat għalih il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u staqsieh biex jgħin lill-Partit Nazzjonalista. Id-Deputat Laburista qal li l-kuntrattur wieġeb lil Busuttil billi qallu li hu ma jistax jaħdem biex inwaqqa' lil dan il-Gvern.  Dan għax hu qatt ma kien sejjer tajjeb daqs illum. Id-Deputat Laburista spjega kemm sejra tajjeb l-industrija tal-proprjetà b'mod partikolari id-domanda għall-kirjiet.

    12:31: Roderick Galdes Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fl-intervent tiegħu qal li jkolli nammetti li kellna nuqqasijiet. Ma konniex perfetti. Imma hu fatt li hemm governanza aħjar minn qabel. Ngħid li iva saru żbalji imma mhux daqs kemm qed ipinġuha l-Oppożizzjoni. Lill-Prim Ministru żgur ma tistax takkużah b'double standards jew li ma jiddeċidix". Kompla jgħid li "fl-aħħar ġimgħat smajna ħafna fuq Panama imma ftit ukoll. Allegazzonijiet saru ħafna imma provi ma tressqux. Jista' jkun veru li deċiżjoni dwar kont fil-Panama kienet inġenwinità politika".

    12:25: Id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li “Illum għandna l-Prim Ministru li ġab 200 miljun f'investiment. Il-binja mitluqa ta’ St Luke's sejra ssir sptar tal- aqwa livell, sptar li tant huwa serju li saħansitra in- nazzjonalisti kellhom deputat li ipprefera li jiddedika l-enerġija tiegħu għal dan l-proġett milli joqgħod jisma' lil Simon Busuttil jgħid u jagħmel l-ħmerijiet u ċ- ċuċati. Wieħed mill-ftit Deputati serji li kellhom in-nazzjonalisti fil-grupp Parlamentari tagħhom, li f'affari ta’ siegħa kien jagħmel 8 operazzjonijiet, kien ifejjaq 8 persuni, issa l-Partit Nazzjonalista għandu 13 il-siegħa u f'dawn it-13-il siegħa f'diskorsi ħlif jirrepetu l-istess diskors ma għamlux. Jekk għandux jippreferi lilkom, min hu serju, mhux hekk. Bniedem serju ħafna u min hawn insellimlu.”

     

    12:23: "Żball kbir jekk il-Gvern qed jaħseb li l-iskandlu Panama se jisparixxi. Issa qed isir magħruf li Keith Schembri u Konrad Mizzi daru xejn inqas minn disa' banek biex jiftħu kontijiet sigrieti. Il-kbir għadu ġej veru". Dan iddikjarah id-Deputat Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech meta tkellem fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Tenna li min qed jitkellem fuq suġġetti differenti minn dak li qed titratta l-mozzjoni, juri li dawk id-deputati qed jevitaw li jitkellmu fuq dan.

    11:56: Id-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi qal li, “Dan hu mument traġiku għal pajjiżna.” Qal li l-mod kif pajjiżna ssemma fil-midja internazzjonali għandu jġegħilna nistħu. Min se jivvota favur il-mozzjoni se jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, sostna l-kelliem.

    11:53: Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li, "Qed nara mibegħda ħierġa l-ħin kollu minn bloggers, negattività mill-Oppożizzjoni u anke hemm min daħħal fin-nofs id-DNA. Kellna lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u lil Simon Busuttil jinċitaw ċorma nies biex issir pressjoni fuq maġistrat. Nifhem li l-Oppożizzjoni qed tipprova tirbaħ gwadann politiku fuq bażi qasira ta' żmien. Jekk se jibqgħu sejrin hekk, l-istorja se tħares lejhom bi stmerrija."

    11:46: Id-Deputat Nazzjonalista George Pulliċino fl-intervent tiegħu spjega li wara li hu kien ressaq mozzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi kien għamel konferenza stampa dwar firma nieqsa fuq tender għall-pannelli solari u bagħtulu l-Pulizija biex jinvestigaw. “Imma ma sabuli xejn,” iddikjara George Pulliċino. Hu qal li l-frażi 'Shame on You' verament tgħodd għal Konrad Mizzi.

    11:25: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li f'għaxar snin, mill-fondi strutturali u investiment tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Nazzjonalista kien assorba biss 30 fil-mija. "Għandhom l-ardir l-Oppożizzjoni li jgħidu li ntilfu l-fondi għaċ-Ċittadella, u dan meta l-Kummissjoni Ewropea qaltilhom li l-Gvern kien għaqli biex lesta l-proġetti. Dan il-Gvern hu kommess li jkompli jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Unjoni Ewropea," tenna Ian Borg.

    11:19: Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech iddikjara li l-Prim Ministru ġab lil Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi bħala parti minn ġismu. Dan għax wieħed hu l-id il-leminija u l-iehor l-id ix-xellugija. Hu qal li Keith Schembri hu ċ-Chief of Staff u Joseph Muscat kien qal li permezz tiegħu mexxa r-riformi fil-Partit Laburista. Id-Deputat Fenech qal li Konrad Mizzi hu viċin ħafna wkoll tal-Prim Ministru Joseph Muscat u dan għax ħatru wieħed mis-'super ministers'. Hu qal li Mizzi u Schembri nnegozjaw kuntratti kbar għal Malta u għalhekk bilfors jidħlu s-suspetti.

     

    10:50: Il-Ministru Joe Mizzi fl-intervent tiegħu qal li kien hemm diversi tentattivi mill-Oppożizzjoni biex ifixklu r-riforma fit-trasport pubbliku u anke rapporti spekulattivi dwar x'kien se jiġri. Enfasizza li finalment ma ġarax dak li bassret l-Oppożizzjoni u qal li llum anke ċ-Ċiprijotti qed iħarsu lejn is-sistema tat-trasport pubbliku f'Malta.

     

    10:32: Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea rrefera għal dak li staqsa l-Ministru George Vella dwar min kien jagħmel il-bombi fit-tmeninijiet. Ċensu Galea ddikjara li, "Jekk il-Ministru Vella jaf min kien jagħmel il-bombi, iqum u jitkellem. Jekk jaf, iqum u jgħid. Għandu d-dover li jagħmel dan. Din hi allegazzjoni serjissima.”

    10:20: Il-Ministru George Vella fl-intervent tiegħu qal li, "Kemm ilni fil-politika rajt minn kollox. Qatt ma emmint li fuq naħa jkun hemm l-anġli u fuq naħa oħra jkun hemm ix-xjaten. Fil-każ li għandna bħalissa nistgħu ngħidu li seta' kien hemm aktar korrettezza politika minn xi wħud. Jekk kien hemm xi korruzzjoni, din għad trid tiġi ppruvata."

    Qal li min qed iressaq l-mozzjoni "illum qed jiskandalizza ruħu b'korruzzjoni suspettata, iżda ma qal xejn fuq l-iskandlu taż-żejt. Ma tkellem xejn fuq l-iskandlu tal-Mater Dei. Min qed jagħmel il-mozzjoni mhux kredibbli għax ittrattjena kemm felaħ fid-donazzjonijiet tal-partiti u issa welled skema ta' ċedoli li toħloq suspetti. Min għamel il-mozzjoni qatt ma ried ineħħi l-preskrizzjoni għall-atti ta' korruzzjoni. Issa qed jilagħbu tal-verġni u jiskandalizzaw ruħhom"

    Staqsa x'inhu l-mottiv u qal li "dak li qed isir hu frott il-kilba għall-poter. Din hi xejra ripetuta. Niftakruhom imorru barra jxewxu kontra l-Gvern u fil-Ġermanja kontra l-investiment. L-għan tal-Oppożizzjoni hu li ssir ħsara lil pajjiżna billi tinħoloq arja ta' inċertezza. Din hi tattika studjata u hi maħsuba biex tiskredita l-ġid tal-Gvern.”

    Il-Ministru Vella kompla jgħid li, "Nistaqsi l-bombi min kien jagħmilhom? Allaħares naslu f'dak iż-żmien. Qatt ma ħasbu li Gvern immexxi minn Joseph Muscat kien se jsalva l-Enemalta, jelimina l-qgħad u jkollna tkabbir ekonomiku fost oħrajn."

    10:14: Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, fl-intervent tiegħu ressaq emenda għall-mozzjoni, liema emenda titlob fiduċja fil-Gvern, u ddeskriva lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, bħala l-aktar mexxej dgħajjef li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista.

    Il-Ministru Bonnici qal li din hi mozzjoni serja u mis-sena 1988 'l hawn, jiġifieri fi 28 sena, kellna biss ħames mozzjonijiet ta' din ix-xorta u din hi s-sitt waħda. L-Oppożizzjoni kienet temmen li bi Gvern Laburista l-pajjiż kien se jmur għal bail out, iżda llum is-sitwazzjoni hi totalment bil-kontra għax il-pajjiż għaddej minn tkabbir ekonomiku u dan qed jgħiduh l-aġenziji internazzjonali.

    "Fl-elf ġurnata u aktar li ilu jmexxi l-Oppożizzjoni, Simon Busuttil ħareġ bi ftit ideat, tant li tgħoddhom fuq id waħda", qal il-Ministru Bonnici.

    Hu qal li, "Simon Busuttil hu l-aktar mexxej dgħajjef li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista. Dan spiċċa qabad rotta li tagħmel ħsara lill-partit tiegħu u lil pajjiżna. Għandna d-dover li lill-Kap tal-Oppożizzjoni ma nħallux jagħmel ħsara lil pajjiżna. Jekk tgħaddi l-mozzjoni u jkun hawn Simin Busuttil, iwaqqaf il-programm ta' ċittadinanza b'investiment, iwaqqaf il-bini ta' università fin-nofsinhar, ma jwettaqx il-proġetti ta' sptarijiet ġodda u jwaqqaf il-politika ta' stabilità fil-prezz tal-fjuwil għax qal li ma jaqbilx magħha. Dan iwaqqaf ir-rifużjoni fuq it-taxxa mħallsa żejda fir-reġistrazzjoni tal-karozzi fost oħrajn.”

    Iddikjara li, "Fuq il-kwistjoni tal-Panama iddiżappuntajna n-nies. Xi ħaġa li keinet legali, politikament mhux dejjem tkun għaqlija u ideali. Il-Prim Ministru meta jiġi biex jiddeċiedi se jimxi fuq il-fatti. Lill-Kap tal-Oppożizzjoni ngħidlu li hu għandu żewġ viċi kapijiet li t-tnejn ma mxewx b'mod onest. Wieħed meta kien ministru għamlulu €34,000 f'xogħlijiet u ftakar ħames snin wara li jrid iħallashom, u l-ieħor bena palazz fuq art verġni u waqt li bena dan, faddal €1 miljun mix-xogħol ta' avukat."

    Il-Ministru Bonnici ppropona emenda għall-mozzjoni li fost oħrajn tgħid li l-Gvern li rebaħ mandat bl-akbar ammont ta' voti mill-indipendenza 'l hawn u li dan għandu jitwettaq f'ġieħ l-għażla demokratika tal-poplu. Pajjiżna għandu tkabbir rekofd ta' 6.3 fil-ekonomija, tnaqqis fil-faqr, pensjonijiet li qed jogħlew u li dan hu pajjiż li hu mmexxi minn gvern li ġab tkabbir ekonomiku u xogħol fil-gżira Għawdxija, li rreġistra rekord wara ieħor fit-turizmu u naqqas il-lista' ta' stennija u naqqas il-mediċini out of stock. L-emenda titla' li l-Kamra tesprima l-fiduċja fil-Gvern.

    L-emenda kienet sekondata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella.

    • Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li l-Gvern hu mgħobbi bi xkejjer ta' stejjer ta' korruzzjoni. Saħaq li hemm min qed jistaqsi għaliex il-mozzjoni ma saritx biss fuq il-Ministru Mizzi imma fuq il-gvern kollu. Qal li dan seħħ għax il-Prim Ministru ilu jaf għaxar ġimgħat fuq il-każ tal-Panama u ma aġixxiex. "Issa jekk se jieħu azzjoni hu tard wisq għax laħqet saret il-ħsara,” qal Antoine Borg.

    Aktar qabel: Ftit tal-ħin ilu fil-Kamra tad-Deputati bdiet id-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern, imressqa mill-Oppożizzjoni. Id-diskussjoni se tibqa' għaddejja tul il-jum kollu u inewsmalta se jibqa' jaġġornakom dwarha sakemm jittieħed il-vot fl-10.00 tal-lejla.

    Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Viċi Kap Mario Demarco tgħid li: "Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jipproponi: li l-Gvern bħalissa jinsab maqbud fi kriżi ta' korruzjoni li issa saret ukoll kriżi politika. Din il-kriżi qed tagħmel ħsara kbira lil isem pajjiżna u lill-ekonomija, b'mod partikolari s-settur tas-servizzi finanzjarji. Il-pajjiż ma jistax jibqa' f'din is-sitwazzjoni ta' inċertezza kbira. Hu fl-interess nazzjonali li l-pajjiż ma jibqax immexxi minn Gvern maqbud fi kriżi ta' korruzzjoni. Hu fl-interess nazzjonali li l-poplu Malti u Għawdxi jirbaħ lura l-istabbilità. Għaldaqstant din il-Kamra tirrisolvi li m'għandhix fiduċja fil-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Tirriżolvi li din id-deċiżjoni tkun komunikata lill President ta' Malta."

    Hekk kif inbeda d-dibattitu fuq il-mozzjoni, il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ddeskriva lill-Prim Ministru Joseph Muscat bħala li “hu ċass quddiem il-korruzzjoni." Hu semma l-każ tal-Australia Hall u l-każ tal-Cafe Premier u saħaq li fuq tal-Cafe Premier kellu jirriżenja l-Prim Ministru għax dan kien daħal fin-negozjati biex jaslu għal prezz li jitħallas lil din il-kumpanija.

    "Lil din ħallsulha id-dejn kollu inkluż id-dejn fuq il-ħobż. Spiċċajna biex tajna aktar minn €4.3 miljun lil kumpanija privata". Hu qal li kien hemm imbagħad il-każ ta' Gaffarena. 

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0