'Kont qed nittama li jseħħ miraklu... u hekk ġara'

  • Mar 30, 2016 00:20
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Immaġinaw ftit mara b’żewġt itfal. Taħkimha marda. Intefħulha saqajha u żiedet fil-piż f’temp qasir. Tawha l-aħbar kerha li l-moħħ ma kienx qed jiffunzjona tajjeb. 

    Minn moħħ Carmen bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet li jikkonċernaw lill-familja. Fi kliem ir-raġel tagħha, hu beda jittama li miraklu biss seta’ joħroġhom minn din is-sitwazzjoni. Dak li ttama seħħ.

    Din hija l-esperjenza li għaddew minnha l-familja Umanah mis-Siġġiewi, u qaluha waqt konferenza internazzjonali dwar l-etika u l-impatt tal-ispiritwalità fiż-żmien ta’ mard. Din l-esperjenza ġagħlet lil dawk preżenti jirriflettu aktar dwar it-twemmin f’Alla anke f’mumenti bħal dawn. 

    Emozzjonat għall-aħħar, it-tifel tagħha, Daniel Umanah iddikjara, “Bdejt neħodha kontra Alla. Bdejt ngħid għaliex din il-marda laqtet lil ommi?” Daniel iżda jgħid li missieru baqa’ jinsisti miegħu biex ma jitlifx il-fidi u kien jgħidlu, “Alla jinsab magħna.” 

    Ġie deċiż li l-omm kellha tagħmel operazzjoni maġġuri. Wara tmien sigħat ta’ taqtigħ il-qalb, l-operazzjoni rnexxiet u Carmen, wara żmien ta’ mistrieħ, tinsab lura mal-familja tagħha.

    Ir-raġel tagħha, Patrick Umanah, iddikjara li dak li għaddew minnu kien test kbir ta’ fidi f’Alla. “Kont qed nittama li jseħħ miraklu mal-familja tiegħi u fil-fatt hekk ġara. It-talb eventwalment instema’. Dan kien miraklu permezz tal-fidi.”

    Ma jonqosx li t-tifla tagħha Rachel tikkumenta wkoll u qalet, “Grazzi Mulej talli żammejtli lil ommi ħajja.” 

    Sadanittant, matul din il-konferenza għamlet intervent ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fejn irrimarkat kif l-ispirtwalità hija karatteristika intrinsika tal-umanità, u li permezz tagħha, ħafna nies isibu skop fil-ħajja. “L-ispiritwalità hija mod kif nesperjenzaw relazzjonijiet mal-familji, mal-komunità u mal-ambjent ta’ madwarna. Din hija espressa wkoll minn valuri u tradizzjonijiet.”

    Fl-indirizz tagħha lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-President Coleiro Preca qalet li ambjent li jrawwem l-imħabba fost dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, jgħin ħafna lil persuni vulnerabbli, b’mod partikolari lill-pazjenti.

    Id-Dekan tal-Fakulta tax-Xjenzi tas-Saħħa, Prof. Angela Xuereb Anastasi, spjegat illi professjonisti barranin min-Norveġja, il-Polonja, l-Olanda, ir-Renju Unit, Wales u pajjiżi oħrajn ingħaqdu mal-Maltin għal din il-konferenza. 

    Prof. Xuereb Anastasi qalet li d-diversità kulturali tinkludi r-reliġjon. Saħqet ukoll li pazjent/klijent għandu jiġi trattat b’rispett u dinjità, irrispettivament mill-età, nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali jew fatturi oħrajn. 

    Matul din il-konferenza ħadu sehem diversi kelliem esperti fl-etika u fl-ispirtwalità fil-kura tal-vulnerabbli. Intwera wkoll video-clip b’każijiet ta’ seba’ eżempji ta’ kura, maħdum u mmuntat taħt id-direzzjoni ta’ Eric Grech. Dan għen lill-parteċipanti jirriflettu fuq l-importanza tal-kura professjonali. 

    Ritratt: Ian Noel Pace

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0