'Irridu l-għajnuna jekk ma jridux li s-sengħa tispiċċa'

  • Mar 29, 2016 00:21
  • Miktub minn Melvic Zammit

    Appena dħalna fil-garaxx stajna nxommu r-riħa tal-injam. Sibna lil Berry Cassar jinnaviga ma’ dgħajsa tal-passiġġieri. Ta’ Tunanu huwa wieħed mill-ftit postijiet li għadhom jaħdmu s-sengħa tal-bini tad-dgħajjes, inkluż dawk tar-regatta. Mas-snin kien hemm diversi ħaddiema oħra li refgħu mix-xogħol. 

    “Jekk ma jridux li din is-sengħa tispiċċa għalkollox, jeħtieġ l-għajnuna tal-awtoritajiet. Għandna bżonn postijiet akbar fejn naħdmu b’kera mhux daqstant għolja.” 

    Cassar qal li l-għajnuna hemm bżonnha wkoll biex jinxtara xi materjal, bħall-injam u l-imsiemer. “Mhux qegħdin insibu msiemer tal-Copper. Bil-viti ma jsirx xogħol sew għax ma jħallix l-injama tiċċaqlaq peress li mhux flessibbli bħall-Copper. L-injam irid xi ħaġa li tiċċaqlaq miegħu, inkella ssirlu ħafna ħsara.”

    Ta’ tliet snin, Berry kien jiġri ma’ missieru minn fuq biċċa tal-baħar għall-oħra. “Ma kontx immur naqbad ktieb wara l-iskola. Kif nara karta jaqbadni l-bard, imma mbagħad nara biċċa njama u daqshekk. Kont immur ma’ missieri l-garaxx u kont nilqagħlu ’l hemm u nilqagħlu ’l hawn, jiġifieri meta jsammar it-tavli minn barra, kont inżommlu b’martell minn ġewwa biex ma joqomsux,” qal ir-raġel b’ċerta passjoni. 

    Spjegalna li hemm differenza bejn id-dgħajsa tal-pass u d-dgħajsa tat-tiġrija. Filwaqt li din tal-aħħar tkun magħmula rqiqa, id-dgħajsa tal-pass tkun armata kollha kemm hi. Dgħajjes tal-ġiri hemm dik tal-‘Midalji,’ l-idjaq u l-eħfef u jaqdfu tnejn bilwieqfa u tnejn bilqiegħda. Hemm dik ta’ ‘b’Erbgħa’ - tnejn bilwieqfa u tnejn bilqiegħda; ‘Frejgatina’ - tnejn bilqiegħda u tmunier, u l-‘Kajjikk’ - wieħed bilqiegħda u ieħor bilwieqfa. 

    Berry irrimarka li din is-sengħa tinvolvi aktar minn xogħol wieħed. “Tibda mix-xejn. L-ewwel trid tħożżha, jiġifieri tagħmel id-disinji. Fiha għandek is-sengħa tal-mastrudaxxa, tax-shield metal, ir-ram u ż-żebgħa.”

    F’Ta’ Tunanu nbnew madwar mitt biċċa tal-baħar. “Missieri għamel madwar sebgħin waħda. Wara għaxra jew ħmistax-il sena l-biċċa tal-baħar tkun trid tinbidel. Tant tkun magħmula rqiqa li tibda tinkiser minn kullimkien u ma tkunx vijabbli li tirranġaha.”

    Hekk kif beda jinħass l-ispirtu tat-tlielaq tar-regatta li ssir tradizzjonalment f’Jum il-Ħelsien, Berry stqarr li jżomm mal-Klabb tal-Birgu.

    Lessiku relatat ma’ din is-sengħa

    Kull parti tad-dgħajsa għandha l-isem tagħha. Dan huwa ftit mil-lessiku li jintuża b’rabta ma’ din is-sengħa: ir-roti, it-tappiera, iċ-ċinet, it-tamburett, it-trinkarin, il-pastiera, il-ħanżira, il-bank, l-istannari, l-inforra, il-majjieli, kontraroti, prim, kontraprim u z-zkuk. 

    Ritratt u filmat: Roger Azzopardi

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0