450 sena ilu tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Belt

  • Mar 28, 2016 00:33
  • Miktub minn Gaetano Micallef

    Bħal-lum 450 sena ilu, jiġifieri fit-28 ta’ Marzu 1566, tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta f’dik li hija l-Knisja tal-Vitorja li tinsab viċin Kastilja.

    Kien il-Granmastru Jean Parisot de La Valette li ordna l-bini tal-Belt Valletta biex issaħħaħ id-difiża tal-gżira li kienet għadha kemm iffaċċjat xhur ta’ attakki kontinwi mill-Ottomani fil-ġrajja li baqgħet magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir.

    Beżgħan li l-Ottomani setgħu jerġgħu jagħmlu xi tentattiv ieħor biex jieħdu lil pajjiżna u jgħaqqduh mal-imperu li diġa kellhom, La Valette għażel l-għolja Xiberras biex fuqha jibni l-Belt.

    Huwa talab l-għajnuna tal-prinċpijiet u rejiet Ewropej fejn biex jikseb l-appoġġ tagħhom urihom it-tħassib tiegħu li Malta ma kinitx tiflaħ assedju ieħor.

    Il-pjan tiegħu rnexxa u l-Papa Piju V bagħat lill-perit tiegħu Francesco Laparelli biex jagħmel id-disinn tal-belt il-ġdida mentri r-Re Filippu II ta’ Spanja għen b’somma kbira ta’ flus.

    Laparelli għażel li jagħmel disinn tal-Belt differenti għal kollox minn kif kienu mibnijin l-irħula Maltin u Għawdxin ta’ dak iż-żmien.

    Minflok it-toroq irregolari li kienu jikkaratterizzaw l-irħula fuq stil medjavali, Laparelli għamel disinn rettangolari b’toroq twal u dritti li kienu jibdew minn Bieb il-Belt u jibqgħu neżlin sal-Forti Sant’Iermu mdawwrin bi swar li f’ċertu nħawi huma 47 metru għoljin.

    Laparelli kellu jgħinu primarjament lill-perit Malti Ġilormu Cassar li kompla jmexxi x-xogħol fuq il-Belt wara li Laparelli miet fl-1570. 

    Lanqas La Valette ma ra l-belt titlesta, għax miet fl-1568, u kien il-Granmastru Pierre de Monte li fl-1571 ittrasferixxa s-“siġġu tal-Granmasru” mill-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu għall-Palazz tal-Granmastri li llum huwa l-bini minn fejn iservi, jew isservi, il-President tar-Repubblika.

    Fi żmien il-Granmastru Antoine de Paule ġie deċiż li jinbnew aktar fortifikazzjonijiet biex jipproteġu l-Belt u kien għalhekk li saru l-Floriana Lines li ssemmew għall-perit li għalih issemmiet l-istess Floriana jiġifieri Pietro Paolo Floriani.

    Kien taħt il-kmand tal-Granmastru Manoel de Vilhena li nbniet il-Floriana fejn għall-ewwel kienet subborg sakemm illum huwa villaġġ.

    Jekk l-Ottomani baqgħu qatt ma reġgħu attakkaw iż-żona fejn hemm mibnija l-Belt, it-theddida għall-belt kapitali ta’ Malta ironikament ġiet fi żmien l-Ingliżi hekk kif fil-bidu tas-Seklu 19 il-Kummissarju Ċivili Ingliż Henry Pigot ried iwaqqa’ ħafna mill-fortifikazzjonijiet tal-Belt.

    It-twaqqigħ tagħhom ġie propost darbtejn oħra imma fortunatament dan qatt ma seħħ u s-swar baqgħu intatti anke jekk l-Ingliżi wettqu ċertu tibdil strutturali f’partijiet tal-Belt fosthom billi wessgħu d-daħliet.

    L-ewwel attakk fuq il-Belt wara l-Assedju l-Kbir ġie fit-Tieni Gwerra Dinjija bil-bumbardamenti mill-ajruplani Ġermaniżi u Taljani li wasslu biex ġarrfu t-Teatru Rjal li kien inbena fl-1866 fuq disinn tal-Perit Edward Middleton Barry.

    Wara tmiem il-Gwerra Dinjija, il-Belt kompliet tikber fl-importanza tagħha għall-pajjiż u fl-1980 ġiet iddikjarata bħala sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO.

    Fis-snin riċenti komplew seħħew żviluppi li tejbu d-dehra tagħha fosthom il-bini tad-daħla l-ġdida, dak tal-Parlament il-ġdid u l-fdalijit tat-Teatru Rjal, it-tqegħid ta’ statwa ta’ La Valletta u anke x-xogħol ta’ restawr fil-Forti Sant’Iermu.

    Illum il-Belt mhux biss isservi ta’ attrazzjoni turistika grazzi għas-swar, mużewijiet u binjiet oħra storiċi li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri imma anke bħala ċentru amministrattiv hekk kif hemm fiha kemm l-uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll bosta ministeri w uffiċini governattivi b’uħud minnhom f’bereġ li fihom kienu l-istess Kavallieri.

    Fl-2018, il-Belt Valletta se tkun qed iġġorr it-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea wara li kien il-Kunsill Lokali li ippreżenta n-nomina. Dan wassal għat-twaqqif tal-Fondazzjoni V18 li bdiet tħejji sensiela ta’ attivitajiet immirati li jagħtu l-ħajja lil din belt l-aktar mill-aspett kulturali u artistiku.

    Mogħtija mill-Kavallieri t-titlu “Humilissima Civitas Valletta” (Il-Belt Umilissima Valletta), il-Belt Valletta llum hija s-simbolu ewlieni tal-gżira u ta’ kuljum tattira lejha eluf ta’ Maltin u barranin.

    Ritratt: Ian Noel Pace

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0