Familja magħquda tagħti kuraġġ lil tifel b'boċċa misterjuża f'rasu

  • Mar 25, 2016 00:39
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Immaġinaw ftit kif il-ħajja kapaċi tinqaleb ta’ taħt fuq. Familja normali b’żewġt itfal. Kollox kien għaddej sew sakemm wieħed mit-tfal beda jixrob ħafna ilma. It-testijiet urew boċċa f’ras it-tifel. Minn hemm ‘il quddiem bdew sensiela ta’ testijiet. 

    Li kien hemm differenti minn każijiet oħra huwa dak li din il-boċċa sa issa, kemm minn testijiet li saru f’Malta u kemm barra, għadhom ma jafux x’inhi. Minkejja kollox, din il-familja hija magħquda wara dan it-tifel bl-organizzazzjoni Puttinu Cares tgħinhom f’dak kollu li għandhom bżonn. 

    Żorna din il-familja fid-dar tagħhom fis-Swatar. Malli dħalna fid-dar fejn joqgħod Kyle Bezzina, li għandu 12-il sena, laqgħetna mhux biss ommu Elizabeth, iżda wkoll sens ta’ paċi, għaqda u ferħ. Sibna familja b’saħħitha li minkejja dak kollu li għaddejjin minnu preżentament, fiha tirrenja l-għaqda u l-għożża. 

    Bilqiegħda fuq is-sufan imdawra biż-żewġ uliedha, Kyle u Clayton, u r-raġel tagħha Horace, Elizabeth spjegat kif din l-esperjenza biddlitilhom ħajjithom mil-lejl għan-nhar. Lura f’Diċembru tal-2014, Kyle beda jixrob ħafna ilma. Minnufih ommu u missieru ħaduh għand tabib, fejn irriżulta li dan ma kellux id-dijabete.  

    Elizabeth qaltilna li, “Għaxart’ijiem wara, it-tifel reġgħet bdiet tuġgħu rasu. Ħadnieh l-emerġenza fejn sarulu testijiet, li damu jumejn sħaħ. Kienu jumejn ibsin ħafna għal Kyle għax tħalla bil-għatx.” 

    Irriżulta li kellu boċċa f’rasu, li ma kinitx qegħda tippermetti lil-main hormone taħdem sewwa. “Bdejna naraw x’setgħet kienet din il-boċċa. Sarlu MRI u sabulu boċċa oħra f’saqajh ix-xellugija. Komplejna nistennew ir-riżultati. Wara l-biopsy ta’ saqajh, irriżulta biss li kellu infjammazzjoni u xejn iżjed,” kompliet tispjega l-omm. 

    Minkejja l-isforzi kollha li saru, xorta waħda ma sabux x’inhi din il-boċċa f’rasu, li kienet qiegħda tagħmillu ħsara f’ġismu kollu. Kien f’dan il-waqt li l-omm, kważi imbikkma, ħarset lejn binha u qaltlu li issa se jkollu joqgħod għal operazzjoni akbar.

    Kyle, li għandu għal qalbu ħafna l-basketball u jqatta’ ħafna mill-ħin jilgħab bil-playstation, jgħid li jingwalaha tajjeb ma’ ħuh. Tant hu hekk, li meta għamel żmien joqgħod l-Ingilterra minħabba dak li għaddej minnu, ħass ħafna n-nuqqas tiegħu. 

    B’qalbha maqsuma l-omm qaltilna, “L-attenzjoni kienet kollha fuq Kyle matul din is-sena. Moħħok jispiċċa jiffokka fuq ħaġa waħda.” 

    Mistoqsijin kif qed iħarsu lejn il-ħajja, il-ġenituri rrimarkaw li, “Ma nafux kif se joħroġ minnha l-operazzjoni. Għadna sa issa ma nafux x’għandu t-tifel u minn fejn ġejja din il-boċċa.”

    Dwar Puttinu Cares, Elizabeth qalet li kull darba li Kyle kellu bżonn il-biopsy, qatta' ħafna ġranet ġewwa Puttinu Ward. “Lanqas tgħid li kien qiegħed fi sptar. L-attenzjoni li jagħtu lit-tfal hija inkredibbli,” sostniet l-omm.

    Mill-esperjenza tat-tifel kien hemm mumenti fejn ġie affettwat b’mod negattiv minħabba l-fatt li għamel żmien ma’ baqax f’Puttinu Ward. “Għalija meta nkun ġo Puttinu qisni qiegħed ġo dar normali u mhux fi sptar,” qalilna Kyle. 

    F’dan il-mument tant diffiċli għalihom, ma naqsux il-kummenti ta’ kuraġġ lejn Kyle. Fil-messaġġ konklussiv tiegħu lil ħuh, Clayton qal, “din li għandek qiegħda f’moħħok. Int b’saħħtek, għal kull operazzjoni li dħalt fiha għamilt kuraġġ kbir. Jiena kburi ħafna bik.”

    Min-naħa tagħhom il-ġenituri qalu, “Aħna nipprovaw nagħmlulu kuraġġ u huwa jagħmel kuraġġ lilna. Dak kollu li jrid aħna se ntuhulu. Taqtax qalbek. Il-bambin magħna u jaf x’inhu jagħmel. Ta’ dak li se tagħmel, Alla jippremjak.”

    Illejla f’Xarabank aħseb f’Puttinu

    Sadanittant, kollox jinsab lest biex illejla jittella' programm speċjali ta’ Xarabank b’risq Puttinu Cares. Bid-donazzjoni tiegħek, Puttinu se jkun jista’ jgħin lil Kyle u ħafna tfal oħra. Illejla f’Xarabank aħseb f’Puttinu. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0