Meħtieġa soluzzjonijiet ġodda għall-gżejjer żgħar tal-UE - Sant

  • Mar 24, 2016 00:49
  • Miktub minn iNews

    Il-Kummissjoni Ewropea trid issib soluzzjonijiet ġodda għall-politika ta-kompetizzjoni u tal-għajnuna tal-istat fl-oqsma tat-trasport, agrikultura u manifattura biex tagħmel tajjeb għall-iżvantaġġi tal-insularità tal-ekonomija tal-gżejjer żgħar tal-UE li bl-ebda mod ma jheddu l-integrità tas-suq komuni. Dan qalu Alfred Sant meta indirizza l-Konferenza dwar l-Istati Gżejjer tal-EU fil-Parlament Ewropew.

    Dr Sant qal li lil hinn mid-diskussjoni dwar il-fondi ta’ koeżjoni, irridu niddiskutu wkoll kif ir-regoli tal-għajnuna tal-istat u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u strutturi oħra, jibdew jirriflettu s-sitwazzjoni tal-ekonomiji tal-gżejjer stati u gżejjer tal-UE. Dan għaliex dawn ir-regoli jħallu l-implikazzjonijiet fuq l-andament tal-gżejjer tagħna.

    Dr Sant qal li l-ekonomija ta’ Malta sejra tajjeb. “Imma jekk tanalizza dan it-tkabbir minn fejn hu ġej, tinduna li jserraħ ħafna fuq is-servizzi finanzjarji, is-settur tal-gaming u t-turiżmu. Għaliex din hija problema? Din hija problema għax malli l-UE tibda tbiddel ir-regoli tagħha tat-tassazzjoni – u fil-fatt l-UE hekk se tagħmel – dan is-settur tas-servizzi finanzjari, li kiber tant, jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jassorbi dawn il-bidliet li ġejjin minħabba l-armonizzazzjoni tat-taxxi madwar l-Ewropa.

    "Il-politika tal-għajnuna tal-istat qed ixxekkel lil ċerti gżejjer, fosthom Malta, biex jimxu ’l quddiem. “Irridu nħarsu lejn l-għajnuna tal-istat minn perspettiva ta’ gżira. L-agrikoltura tagħna, peress li żgħira ħafna, iha sejra lura u naqset b’madwar 50% f’dawn l-aħħar għaxar snin. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għall-manifattura, u ħalli nkunu ċari, dak li nipproduċu huwa tant żgħir li żgur mhux se jaffettwa s-suq komuni, la min-naħa u l-anqas minn oħra.”

    “Is-sħubija tal-UE għal Malta fissret li kellna nadottaw il-politika tal-UE tal-manifattura, tal-industrija u tal-kompetizzjoni. Dawn l-aħħar għaxar snin rajna s-settur tal-manifattura nieżel, tant li ċkien b’madwar 30%. Fil-kuntest ta’ gżira żgħira, meta timxi ’l quddiem ikollok ukoll effett ta’ żbilanċ fis-sens li jkollok konċentrazzjoni ta’ settur partikolari, u dan joħloq periklu.”

    Il-problemi ta’ Għawdex ma nistgħux nindirizzawhom billi jkollna iktar jew inqas fondi strutturali u ta’ koeżjoni, qal Dr Sant. Għawdex irid ikun kompetittiv biex jimxi ’l quddiem. Għawdex sejjer mhux ħażin fit-turiżmu, u fl-ammont ta’ nies li jirtiraw hemmhekk. Imma l-iżbilanċ li jħalli dan kollu fuq il-popolazzjoni huwa kbir. L-Istudenti Universitarji Għawdxin jaqblu li l-gżira sejra tajjeb.

    “Ma nistgħux nibqgħu hawnhekk qaluli. Ma hemmx futur għalihom, bħala żgħażagħ li jridu jippjanaw il-karriera tagħhom u jkollhom life style tajba. Għalkemm f’termini ekonomiċi Għawdex jidher sejjer tajjeb...il-fenomenu tat-tluq tal-popolazzjoni żgħażugħa jidher li għadu għaddej. Kif se tkun indirizzata din il-ħaġa? Naqbel li bil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni, nistgħu nindirizzaw ftit mill-effetti tal-insularità. Imma xorta rridu noħolqu mudell għal dan. Irridu nikkunsidraw, lil hinn mill-kriterji tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, aktar allokazzjonijiet minn dawk li nistgħu nieħdu taħt ir-regoli normali. Irridu nikkunsidraw kif ir-regoli tal-kompetizzjoni qed jaffettwaw is-sitwazzjoni speċjali tagħna u jistgħux ikunu implimentati b’mod differenti.”

    Dr Sant qal li l-Kummissjoni Ewropea qed turi reżistenza għal dawn l-argumenti. “Ma jixtiqux jiddiskutu dan il-kunċett għax jgħidu li l-fondi strutturali u ta’ koeżjoni huma biżżejjed biex jikkumpensaw għal dawn id-differenzi. Bħal pereżempju fuq il-politika ta’ tassazzjoni... għaliex ma jistax ikollna politika ta’ tassazzjoni li tkun differenti għar-reġjuni li huma gżejjer u għal dawk li huma stati?” staqsa l-Ewroparlamentari Malti.

    Membri Parlamentari oħra mill-gżejjer tal-Kroazja, Sardinja, Sqallija, il-gżejjer Griegi u l-Irlanda wkoll saħqu fuq il-problemi ta’ insularità li jaffettwaw l-ekonomija u s-soċjetà fil-gżejjer tagħhom.

    Segwi l-intervent ta’ Dr Sant hawnhekk: https://www.youtube.com/watch?v=5YQerU7zmd0

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0