Il-Heritage Trail f'Ħad-Dingli bla irregolarità

  • Mar 20, 2016 00:14
  • Miktub minn iNews

    Id-Dipartiment għall-Awditjar u l-Investigazzjonijiet Interni (IAID) ma sab l-ebda irregolarità fit-tħad­dim ta’ fondi Ewro­pej għall-proġett ta’ heritage trail li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli fl-aħħar snin kif kien allegat.

     

    Minn tagħrif miksub mit-TORĊA jirriżulta li din il-kon­klużjoni tal-IAID kienet diġà waslet għaliha ħadd ħlief il-Qorti Ewropea tal-Awdituri erba’ snin ilu.

     

    Fl-aħħar xhur ċertu Noel Ciantar, ċittadin privat li joqgħod fil-limiti rurali tas-sit storiku tas-Simblija fil-konfini tar-Rabat, talab għal għadd ta’ investigazzjonijiet relatati, inkluż saħansitra fuq tabelli informattivi li kien installa l-Kunsill Dingli biex jindika lill-pubbliku fejn huma l-aktar siti ta’ interess fil-lokalità.

     

    L-investigazzjonijiet ġew konklu­żi fl-aħħar jiem u ma nstabet l-ebda irregolarità, waqt li l-IAID ukoll irrakkomanda lill-awtoritajiet kollha konċernati biex jieħdu nota ta’ dan. 

     

    Jidher li Ciantar kien qed jikkonċernah aktar li n-nies jispiċċaw iżuru l-akkwati tas-Simblija, milli l-proġett innifsu tal-Kunsill jew iċ-ċen­tru tal-viżitaturi, li jagħ­mel parti minnu u, fost l-oħrajn, jagħti gwida tajba lil dawk li jixtiequ jimxu madwar il-lokalità.

     

    Fl-aħħar ġimgħat, Ciantar għamel sensiela ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg, fil-perjodu li kien għadu Sindku tal-lokalità, u l-fondi Ewropej użati fuq il-proġett tal-heritage trail u ċ-ċentru tal-viżitaturi li jinsabu fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. F’ittri li bagħat lil diversi entitajiet, Ciantar ipprova jagħti x’jifhem li l-Kunsill investa mal-€436,000 ta’ fondi Ewropej fiċ-ċentru tal-viżitaturi u l-heritage trail għall-benefiċċju tal-operatur privat li ntagħżel wara sejħa pubblika biex imexxi l-istess post. 

     

    Madankollu l-fatti juru xort’oħra u mis-som­ma kollha l-Kunsill investa biss ftit aktar minn €11,000 biex l-istess ċentru jkolluboardroom b’faċilitajiet meħtieġa għal laqgħat u sezzjonijiet ta’ informazzjoni li l-Kunsill u NGOs jistgħu jorganizzaw minn żmien għall-ieħor. 

     

    L-operatur u s-sullokazzjoni taċ-ċentru tal-viżitaturi ġew approvati fl-2009 mill-Kummissarju tal-Artijiet, li wkoll kellu għad-dispożizz­joni tiegħu d-dokumentazzjoni kollha tas-sejħa u l-għażla mill-Kunsill b’mod unanimu. Il-permessi tal-MEPA u l-liċenzjar meħtieġ mill-awtoritajiet konċernati, bħall-Awtorità Maltija għat-Tu­riżmu (MTA) u l-istess Dipartiment tal-Artijiet inħar­ġu wkoll fl-istess sena.

     

    Il-kumplament tal-fondi Ewropej marru biex jinħolqu tliet ġonna u żoni ta’ rik­reazzjoni madwar il-lokalità u ġew irrestawrati niċeċ u wirt storiku ieħor, bħall-għajn tal-ħasselin, flimkien ma’ mijiet ta’ metri ħitan tas-sejjieħ u pavimentar xieraq. Infetħu mill-ġdid ukoll tliet trejqiet fl-akwati magħ­rufin bħala Tal-Qaws, Wied Ħażrun u l-Isqaq tar-Ross, bl-għamara kollha tat-triq inkluża.

     

    Dokumentazzjoni f’idejn it-TORĊA tixhed kif il-pro­ġett tal-heritage trail u l-interventi minimi msemmija fuq iċ-ċentru tal-viżitaturi u kif dawn tħaddmu biex jagħtu l-frott mixtieq b’riżq ir-raħal ta’ Ħad-Dingli, kien wieħed mill-ħames proġetti li kien ivverifikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fis-sena 2011. 

     

    Hekk kif, b’siste­ma stabbilita, numru ta’ pro­ġetti jinqabdu f’“kam­p­jun” (sample) ta’ proġetti u ħlasijiet li jsiru fl-UE u jiġu analizzati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, mal-ħa­mes snin ilu dan il-proġett lokali f’Ħad-Dingli kien wieħed minn ħamsa li ntagħżlu għall-verifika. 

     

    Minkejja dan, waqt li fl-erba’ proġetti oħrajn – wie­ħed tal-WasteServ u tlieta ta’ raħħala Maltin – inġibdet l-attenzjoni għall-affarijiet li ma kinux konformi, ma nstab xejn ħażin fil-konfront tal-proġett tal-Kunsill. Dan hu kkonfermat f’ittra tal-20 ta’ Marzu 2012, mill-membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Rasa Budbergyte lill-Awditur Ġenerali Malti Anthony C. Mifsud, li għad­diet ir-rapport sħiħ tagħha lill-awtoritajiet lokali.

     

    It-TORĊA hi informata wkoll li tali allegazzjonijiet infondati dwar il-proġett f’Ħad-Dingli saru wkoll fix-xhur li għaddew iżda ġew irrifjutati mill-Uffiċċju tal-Investigazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (OLAF).

     

    Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg stqarr kif mhuwiex sorpriż li ssib min jipprova jfixkel u jostor is-sbuħija ta’ siti storiċi. Hu kompla jgħid kif spiċċa fil-mira ta’ individwu li għalih aktar importanti x-xewqat egoistiċi tiegħu. “Dan, iżda, jimlieni b’aktar enerġija biex naħdem b’riżq dawk kollha ta’ rieda tajba,” qalilna s-Segretarju Parlamentari.

     

    Min-naħa tiegħu, meta mitlub jikkummenta wkoll dwar dawn il-konklużjo­ni­jiet tal-IAID, is-Sindku att­wali ta’ Ħad-Dingli, Sandro Azzopardi, ukoll wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-ħidma ta’ kunsilli suċ­ċessivi mhux biss qed tgħin lir-raħal ikompli jiżviluppa b’mod sostenibbli, iżda ġie rikonoxxut li dejjem mexa kif suppost u rnexxielu jagħmel mil-lokalità “ġenna tal-art”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0