Siti rakkomandati mid-Dar Ċentrali fi skema ta' żvilupp

  • Mar 20, 2016 00:30
  • Miktub minn iNews

    IT-TORĊA tal-lum tirrapporta li fil-perjodu qabel id-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista li jintroduċi r-Razzjonalizzazzjoni taż-Żoni ta’ Żvilupp madwar il-pajjiż kollu f’Lulju tal-2006, “saru rakkomandazzjonijiet speċifiċi mid-Dar Ċentrali” dwar siti mhux żviluppati biex jiddaħħlu fl-iskema nazzjonali. Dan kien ifisser li fil-proċess li qanqal kontroversja kbira u għadab fost għaqdiet ambjentali, postijiet raw il-valur tagħhom jisplodi. 

    Artijiet li għamluha f’din l-iskema u qabel ma kinux jiswew wisq flus għax ma setgħux jiġu żviluppati jew inkella kienu tajbin biss għall-agrikolatura, spiċċaw malajr fis-suq tal-proprjetà bi prezzijiet fenomenali.

    Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista, li kienu diġà attivi sew fid-Dar Ċentrali f’dak il-perjodu u jiftakru “kull attività interna” relatata mal-proċess li suppost kien qed jitmexxa b’mod awtonomu mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), saħqu mal-ġurnal It-TORĊA li dakinhar “ma gawdiex biss Beppe (Fenech Adami)”, b’referenza għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-iskandlu li jinsab imdaħħal fih bħalissa. 

    Fil-fatt jirriżulta li mhux biss il-proprjetà u r-residenza li għandu Dr Fenech Adami f’Ħal Għargħur iddaħħlet f’dik l-iskema għaxar snin ilu, iżda b’deċiżjoni kontroversjali sussegwenti mill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi din setgħet tkompli tiġi żviluppata aktar minn residenzi oħrajn li jinsabu fl-akwati. Dawn kienu fatturi kruċjali biex illum hu stmat li l-proprjetà tal-familja Fenech Adami, waħda minn sebgħa, tiġi tiswa xejn inqas minn €5 miljun.

    Minkejja dan, qed jiġi rrappurtat li jidher li dan il-każ individwali ta’ iben l-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks-President tar-Repubblika “hu biss it-tip of the iceberg”, kif jiddeskrivuh is-sorsi li tkellmu mat-TORĊA fl-aħħar jiem fuq il-kundizzjoni tal-anonimità. 

    “Qabel ġie introdott ir-rationalisation (il-proċess tal-2006 li wessa’ l-art għall-iżvilupp f’pajjiżna), ċerti rakkomandazzjonijiet dwar liema artijiet kellhom jiġu inklużi, fejn u ta’ min kienu, saru dirett mid-Dar Ċentrali,” tennew is-sorsi, mingħajr ma elaboraw b’mod speċifiku kif u min kien jirrakkomandahom jew aħjar jordnahom lill-MEPA. L-indikazzjonijiet kienu, iżda, li dan kien jew kienu uffiċjali għoljin fl-amministrazzjoni dak iż-żmien.

    Għajr għal tbissim sarkastiku, l-istess sorsi wkoll ma kellhomx tweġiba verbali meta kien issuġġerit lilhom jekk b’dan kinux qed ifissru li dan kien xi tip ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata mill-PN fil-poter.

    Il-proċess kontroversjali, li kien estenda ż-Żona ta’ Żvilupp nazzjonali b’xejn inqas minn 2,000,000 metru kwadru ta’ artijiet fi 43 lokalità differenti, fisser li l-prezz ta’ bosta artijiet splodew mil-lejl għan-nhar. 

    Esperti fis-suq tal-proprjetà jemmnu li dak iż-żmien, bħal-lum, deċiżjoni simili faċilment fissret flejjes kbar. Mill-esperjenza tagħhom ikkonkludew li kien hemm bosta li saru miljunarji ta’ malajr b’dik id-deċiżjoni amministrattiva.

    Bħala parti minn dan il-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni fl-2006, il-ġurnal L-ORIZZONT ftit iżjed minn sena ilu kien irrapporta kif proprjetà, li kellu sehem fiha l-eks-Ministru Nazzjonalista Michael Refalo f’Wied Għollieqa fil-Kappara, limiti ta’ San Ġwann, iddaħħlet fl-iskema fl-istess deċiżjoni kontroversjali, anke jekk għandha żewġ-terzi tagħha li ma jistgħux jiġu żviluppati, tmiss eżatt ma’ riserva naturali protetta bil-liġi u saħansitra tinsab fir-rotta naturali tal-ilma li jiskula mill-wied. Il-valur tal-art minn €30,000 sploda għal €600,000, 200% aktar minn kemm kienet tiswa qabel iddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp.

    L-applikant ewlieni f’dan il-proġett f’Wied Għollieqa, f’isem il-kumpanija Recame Limited, hu Hugh Mercieca, li kien jaħdem f’Mizzi House kemm ma’ Austin Walker kif ukoll ma’ Lawrence Gonzi qabel dawn laħqu Ċermen tal-MEPA u Prim Ministru rispettivament. 

    Finalment, wara ħafna tibdil fil-pjanti, kienet ittieħdet id-deċiżjoni fil-MEPA lejliet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 li jinħarġu l-permessi għall-iżvilupp fil-post, saħansitra bid-dritt li tinbena triq dejqa li tagħti aċċess għall-art, xi ħaġa li ma kellhiex u li suppost kienet tiskwalifikaha awtomatikament milli tiġi meqjusa għall-iżvilupp.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook