It-tkabbir ekonomiku ta' 6.3 fil-mija għandu jiġi rifless fil-pagi

  • Mar 10, 2016 12:25
  • Miktub minn iNews
"

    Ir-riżultati ekonomiċi għas-sena 2015, f'liema riżultati ħareġ li l-ekonomija kibret b'6.3 fil-mija u li l-investiment żdied b'21.4 fil-mija, wasslu għal reazzjonijiet pożittivi minn għadd ta' msieħba soċjali u anke minn ekonomisti.

    Kemm il-GWU kif ukoll il-FORUM Unjins Maltin meta kuntattjati minn inewsmalta.com iddikjaraw li t-tkabbir ekonomiku għandu jiġi rifless fil-pagi. Imsieħba soċjali kummentaw b'mod pożittiv fuq l-andament tal-ekonomija, waqt li rrimarkaw li l-pajjiż għandu jiffoka fuq il-ħidma biex tkompli tikber l-ekonomija  u mhux jidħol f''election mode".

    'Tkabbir pożittiv….l-instabilità mhix tajba għall-ekonomija'

    Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, Tony Zahra, meta mistoqsi dwar it-tkabbir ekonomiku ta' Malta fis-sena 2015, qalilna li "din hi xi ħaġa pożittiva ħafna. Kburin  li konna qed nikkontribwixxu għal dan is-suċċess. Bħala msieħba fl-industrija tat-turiżmu, il-proġettazzjonijiet għas-sena 2016 huma li numru ta' postijiet fuq l-ajruplani  hu akbar  b'madwar 3 fil-mija fuq is-sena oħra, li kienet sena rekord. Issa kull darba li żżid l-ammont ta' turisti li jiġu hawn, jiżdied l-introjtu  finanzjarju għall-Gvern."

    Meta mistoqsi dwar jekk il-klima politika ta' bħalissa tistax taffettwa l-ekonomija, hu qalilna li "l-aktar ħaġa li hi neċessarja fl-ekonomija hi l-istabbilità. Kwalunkwe instabbilità kemm jekk tiġi minn barra kif ukoll internament mhix tajba għall-ekonomija. Irridu noqogħdu attenti biex nevitaw l-instabbilitajiet. L-instabbilitajiet li ġejjin minn barra ma tista' tagħmel  xejn għalihom, imma instabbilitajiet oħrajn tista' tagħmel xi ħaġa għalihom."

    'Irridu naraw li dan jissarraf f'pagi aħjar…..niffukaw id-diskussjoni fuq l-ekonomija'

    Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja, qalilna li "t-tkabbir ta' 6.3 fil-mija tal-ekonomija hu tkabbir ekonomiku qawwi ħafna. Dan hu frott ta' ħidma ta'  dawn it-tlett snin b'mod partikolari b'politika li ġiet implimentata. Issa rridu naraw li dan it-tkabbir jissarraf f''kundizzjonijiet u pagi aħjar għall-ħaddiema u l-pensjonanti. F'kull baġit bħala GWU dejjem għamilna proposti li kienu immirati biex it-tkabbir igawdi minnu kulħadd. Proposti oħra li għamilna biex it-tkabbir ekonomiku  ikun aktar mifrux b'mod ġust billi introduċejna l-pjani biex ikun hawn passaport għall-ħaddiema fit-turiżmu. Dan għandu jservi  biex apparti li ntejbu s-servzz, intejbu l-pagi tagħhom."

    Dwar il-klima politika preżenti u jekk din tistax taffettwa l-andament ekonomiku, Josef Buġeja qal li "waħda mill-affarijiet li affettwat leġislatura ta' qabel din hi l-instabbilità li kien hemm fil-gvern. Li Gvern Laburista tela' bi pjan, b'miri u time frames li għenu l-pajjiż. Hu importanti li nkomplu niffukaw fuq l-ekonomija. Id-diskussjoni għandha tkun fuq kif se ntejbu l-ekonomija u l-ħajja taċ-ċittadini biex kulħadd igawdi mit-tkabbir.  M'għandniex nidħlu f'election mode meta fadal sentejn oħra għall-elezzjoni".

    'Nittamaw li ma jaqilgħulniex fwiednaa meta ninnegozjaw'

    Il-President tal-FORUM Unjins Maltin, Kevin Bonello, qalilna li "jidher li bażikament hemm tkabbir ekonomiku. Dan hu ta' vantaġġ kemm għall-ekonomija u anke għall-ħaddiema Maltin. Għad fadal xi jsir u rridu naraw li dan it-tkabbir ekonomiku jiġi rifless aħjar fil-paga tan-nies.  Nitttamaw li issa meta nmorru ninnegozjaw għal ftehim kollettiv ma jaqilgħulniex fwiedna biex jagħtu ż-żidiet".

    Dwar il-klima politika ta' bħalissa qalilna li "għandi riservi kbar. Aħjar ma nitkellimx. Il-politiku għandu jmexxi b'eżempju u qed ngħid dan għaż-żewġ naħat. Tistenna li klima politika tiżdied għax riesqa l-elezzjoni u jibda' tiela' d-deni. Illum għamlet beżqa xita u kullimkien iġġamjat.  Dawn huma l-problemi tan-nies. Il-politiċi aktar konċentrati  fuq iċ-ċuċati. Domt siegħa u nofs biex dalgħodu wasalt f'Santa Venera."

    'Riżultat eċċezzjonali'

    L-ekonomista Karm Farrugia meta kkuntattjat qalilna li "dawn ir-riżultati huma eċċezzjonali.  Għandna nkunu kburin b'dawn ir-riżultati ekonomiċi. Jien qatt ma niftakar li f'20 sena l-ekonomija kibret daqshekk f'termini reali.  L-inflazzjoni hi baxxa u din hi tajba għall-ekonomija".

    Mistoqsi jekk il-klima politika ta' bħalissa tistax taffettwa l-andament ekonomiku, Karm Farrugia qalilna li "l-politika dejjem taffettwa xi ftit. Il-problemi huma lokali.  F'għajnejn il-barranin Malta hi pajjiż stabbli. Issa minn din il-klima jista' jgawdi l-investitur Malti għax jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni".

    'Il-Kamra tal-Kummerċ tilqa' b'sodisfazzjon din l-aħbar'

    Il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet l-aħbar dwar ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tul is-sena li għaddiet.  "Ir-rata ta’ tkabbir reali ta’ 6.3% kif ippublikata mill-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika, hija ogħla minn dawk li gew irreġistrati f’dawn l-aħħar snin", qalet b'sodisfazzjon il-Kamra tal-Kummerċ.

    Madankollu, hi qalet li wieħed tajjeb janalizza kif giet irregistrata din ir-rata globali ta’ tkabbir fl-oqsma differenti tal-kummerc.  Kompliet tgħid li "hawnhekk, wieħed isib tkabbir sostanzjali f’certu setturi bhal servizzi finanzjarji (10.4%), arti u rekrejazjoni (li tinkludi remote gaming - 5.4%) u ICT (7.3%)".  Qalet ukoll li fl-istess ħin, il-manifattura, li minnu pajjiżna jiddependi għal eluf ta’ impjiegi u għall-esportazzjoni, rregistrat tkabbir negattiv ta’ 0.4%. Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li fir-rigward ta’ dan, ħarget statistika li turi li l-indici tal-produzzjoni industrijali f’Jannar li għadda naqas b’8.1% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.

    temmet tgħid li filwaqt li r-rata ta’ tkabbir ta’ 6.3% hija waħda nkoraġġanti, "il-Kamra twissi kontra kwalunkwe tip ta’ kompjaċenza".  Hija tibqa ssostni li l-pajjiż irid ikompli dejjem itejjeb il-kompetittività tieghu akkost ta’ kollox. 

    'Fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku huwa t-turiżmu'

    "Fattur ewlieni għat-tkabbir tal-ekonomija f’pajjiżna huwa s-settur tat-turiżmu li kapaċi jiġġenera tkabbir fl-attivitajiet ekonomiċi ta’setturi oħra". Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-ekonomista Gordon Cordina meta mistoqsi dwar is-suċċess li kisbet Malta fl-ekonomija. 

    Kompla jgħid li dan kien tkabbir sostanzjali, u ogħla, meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżi oħra li jinsabu wkoll f’sitwazzjoni fejn it-tkabbir globali huwa wieħed inċert. Cordina qal li jeħtieġ li filwaqt li l-pajjiż ikompli jaħdem sabiex jissalvagwardjaw dan is-suċċess li intlaħaq, "dan ikompli jseħħ billi nipprevjenu minn kull theddid għall-ekonomija".

    Hu qal li filwaqt li t-turiżmu huwa l-mutur ewlieni tal-ekonomija, huwa essenzjali li nħarsu lejn servizzi oħra, bhal dawk finanzjarji, gaming u ICT. Liema setturi jiġġeneraw u jikkontribwixxu għal dan it-tkabbir. "Dawn huma setturi, misjuqa internazzjonalment, ta’ importanza sabiex isostnu r-reputazzjoni ta 'pajjiżna u l-kwalita' tas-servizzi li noffru" enfasizza l-ekonomista.

    Jafferma mal-Kamra tal-Kummerċ, Cordina rrimarka li s-settur tal-manifattura għaddej minn xejriet differenti. "Dan huwa settur suxxettibbli ħafna għat-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u għaddej minn certi diffikultaiet". Hu stqarr li l-manifattura għandha tingħata aktar enfasi speċjalment f’sitwazzjoni fejn it-tkabbir statistiku f'dan is-settur  ġie mħares permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt.

    Il-kelliemi qalilna li huwa meħtieġ li jinħolqu setturi ġodda biex jissostitwixxu li qed jilħqu l-massimu fit-tkabbir tagħhom. Fost dawn is-settur b’potenzjal ta’ kontribuzzjoni lejn it-tkabbir ekonomiku Cordina semma' s-settur tal-loġistika, s-settur tal-marittimu, is-settur tal- ambjent, żvilupp ta’ servizzi li jipprovdu kwalita’ ta’ ħajja aħjar u oħrajn.

    L-ekonomista kompla jgħid li mhuwiex biss importanti li nikkrejaw impjiegi ġodda imma huwa ta’ daqstant importanti d-distribuzzjoni ekwa. "Minkejja l-ħolqien sostanzjali ta’ mpjiegi ġodda, kwart biss mit-tkabbir ekonomiku ssarraf fi dħul tal-ħaddiema". 

    Cordina temm jgħid li huwa improtanti li nkomplu ninvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema u l-istudenti tagħna ħalli noħolqu mjiegi f'setturi ġodda li jkunu jistgħu jħallsu aħjar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0