Minħabba nuqqas ta' provi... mhux ħati li mmasturba fil-pubbliku quddiem mara

  • Diċ 01, 2015 02:09:57
  • Miktub minn 1
"

    Żagħżugħ ta' 26 sena minn San Lawrenz ġie liberat minn akkuża li offenda l-pudur f'post pubbliku u dan wara li l-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma pprovatax il-każ tagħha sal-grad rikjest mil-liġi.

    L-allegat każ inkwistjoni seħħ f'Lulju li għadda għall-ħabta tas-1.15 p.m. Minbarra l-akkuża li offenda l-morali pubblika, l-imputat kien mixli wkoll li wettaq reat fil-perjodu ta' sentenza sospiża u li kien reċidiv.

    Jirriżulta li l-każ kien beda jiġi investigat wara rapport li għamlet mara barranija fl-Għassa ta-Rabat. F'dan ir-rapport il-mara qalet li waqt li kienet id-Dwejra, proprjament qrib it-Torri tad-Dwejra, għajtilha raġel. Hija ħasset li din kienet xi ħaġa stramba għax f'dak il-ħin inzerta li ma kien hemm ħadd aktar. F'deskrizzjoni li tat, qalet li dan ir-raġel kellu bejn 30 u 40 sena, kellu xagħru mqaxxar u kien liebes flokk abjad.

    Qalet li bdiet timxi b'pass mgħaġġel, iżda dan ir-raġel segwieha. Hekk kif waslet ħdejn il-parkeġġ li jinsab taħt it-Torri, rat lil dan ir-raġel jirkeb fil-karozza tiegħu.

    Minn hemm huwa saq sa ħdejha. Allegatament, f'dak il-ħin, dan ir-raġal niżżel il-ħġieġa tat-tieqa u staqsieha jekk tridx tirkeb miegħu. Hija wieġbet le.

    Il-karozza mxiet u hija bdiet miexja wkoll. Madankollu f'ħin minnhom il-karozza għamlet u-turn u waqfet. Min-naħa tagħha l-mara baqgħet miexja. Iżda f'ħin minnhom il-mara semgħet ħsejjes fejn hemm il-ħaxix u s-siġar maġenb it-triq. Kien f'dak il-ħin li, skont il-mara, dan ir-raġel kien bil-qalziet imniżżel u beda jimmasturba, filwaqt li beda jħares lejha. Il-mara beżgħet u marret tiġri lejn San Lawrenz u ma ratux aktar.

    Fl-istqarrija li ta l-imputat, ammetta li huwa kien il-proprjetarju tal-karozza inidikata mill-mara. Ammetta wkoll li dakinhar wara x-xogħol, mar id-Dwejra għaliex kellu żewġ nases li mar jitfagħhom il-baħar għall-vopi.

    Qal li tefa' n-nases ħdejn il-Ġebla tal-Ġeneral u qagħad ħdejhom. Meta ħeles, ġabar il-gaġeġ u telaq ‘il fuq għaliex kien qabad ftit ħut. Mistoqsi jekk huwa u tiela’ kellimx persuna barranija, l-imputat qal li huwa ra madwar sitt koppji, iżda ma pprova jkellem lil hadd minnhom. Mistoqsi speċifikament jekk staqsiex lill-persuna barranija biex tirkeb miegħu, l-imputat irrisponda billi qal li ma jagħmilx affarijiet bħal dawn. Qal li huwa baqa’ sejjer lejn id-dar.

    Xħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri qalet li l-verżjoni tal-mara barranija hija veritiera. Il-Qorti qalet li ma tara l-ebda raġuni valida għalfejn turista li kienet tinsab għal ftit jiem vaganza kellha tivvinta storja bħal din u toqgħod titlef il-ħin tagħha flok tgawdi l-vaganza, tiġri wara l-Pulizija biex fl-aħħar irnexxielha tagħmel ir-rapport ta’ dak li ġralha.

    Fir-rigward tal-inċident li seħħ fil-parti ta' isfel tad-Dwejra, il-Qorti qieset li ġie ppruvat li filwaqt li l-mara kienet ħdejn il-parkeġġ taħt it-Torri hija verament rat lill-imputat jirkeb il-vettura pjuttost distingwibbli tiegħu, minħabba ż-żebgħa mtebbgħa u l-'istickers', apparti li ratu jsuq lejha u jistedinha biex titla’ miegħu

    Minkejja li l-imputat jiċħad dan kollu, il-Qorti qalet li mhix qed temmen il-verżjoni tiegħu, kemm għaliex hu stess jammetti li kien fil-post fil-ġurnata u l-ħin indikat u kemm ghaliex huwa stess jammetti li hu biss isuq dik il-vettura. Iżda l-Qorti qalet li f'dan il-punt taqbel mal-Avukat difensur li ma jirriżulta l-ebda għemil min-naħa tal-imputat li joffendi l-pudur jew il-morali.

    Madankollu l-Qorti nnotat ukoll li l-mara qalet li r-raġel li rat fis-siġar kellu bejn 30 u l-40 sena, kien mibni u mmuskolat. Il-Qorti nnotat ukoll li f'dak il-ħin, il-mara ma ratx il-vettura tal-imputat li kienet rat qabel. Il-mara żammet lura wkoll milli fl-Għassa tidentifika lill-imputat bħala l-persuna li beda jwettaq dan l-att.

    Għaldaqstant filwaqt li qalet li ma għandhiex dubju li l-mara kienet qed tgħid il-verità, il-Qorti qalet li fil-każ ma tqisx li tressqet il-prova sal-grad rikjest mil-ligi.

    Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, il-Pulizija setgħet għamlet naqra aktar sforz biex tiġbor provi ċirkustanzjali oħrajn bħal pereżempju li tmur fis-sit, jiġu preżentati ritratti tas-sit u t-triq inkwistjoni, li setgħu possibbilment jgħinu aktar lill-Qorti biex tasal għall-konklużjoni possibbilment diversa. Iżda dan ma sarx.

    Il-Prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Spiteri.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0