Ħames medalji għall-SKSM Malta fir-Russja

  • Lul 13, 2012 15:15
  • Miktub minn

    Riżultat fenomenali għall-Iskola SKSM Karate Malta, fir-Russja, fil-kampjonati Open tal-Karate f'dan il-pajjiż. Dan kien unur kbir għal żewġ atleti minn din l-iskola Maltija li personali ġew mistednin biex jattendu għal dan l-avveniment. Lucienne u Andrew Galea, tnejn membri mill-iskola SKSM Malta, kienu onorati u rrappreżentaw lil Malta f’dan il-pajjiż. Chris Galea, kap ta’ SKSM Malta mexxa liż-żewġ atleti għall-unur ieħor u għolla isem l-iskola u isem Malta fil-qasam ta’ dan l-isports.

    Dawn il-kampjonati ġew organizzati mill-federazzjoni dinjija SKIF fir-Russja, li hija mmexxija mill-leġġenda tal-Karate Hirokazu Kanazawa. SKSM Karate Malta ġiet mistiedna mill-organizzaturi wara riżultati pożittivi li kontinwament qegħdin jinkisbu minn din l-iskola Maltija. Ta min jgħid li r-reġjuni kollha fir-Russja kienu kollha preżenti b’timijiet b’saħħithom u bla dubju ta’ xejn kien mistenni livell għoli ħafna. Il-kampjonati kienu organizzati fir-Reġjun ta’ Nizhny Novgorod, Armazas b’total ta’ ’l fuq minn 700 atleta.

    Il-kompetizzjoni kienet maqsuma fuq jumejn. Lucienne Galea kienet l-ewwel atleta Maltija li kkompetiet. Hi ħadet sehem f’żewġ kategoriji, dik tal-Masters Female Kata u Seniors Female Kata. L-ewwel Kategorija, Galea kellha tiffaċċja 18-il atleta, bi tliet rawnds konsekuttivi. Bil-punti li ġabet irnexxielha tispiċċa l-ewwel post b’differenza ta’ 0.2 punti mit-tieni post b’atleta Russa. It-tieni Kategorija kienet ħafna aktar iebsa, meta 30 atleta kkompetew għall-unur ta’ din il-kategorija. Lucienne kienet ħafna kkonċentrata bl-għajnuna tal-coach Malti Chris Galea, u wara erba’ rawnds, hi rnexxielha ġġib biżżejjed punti biex tirbaħ ukoll din il-kategorija, punt bogħod mit-tieni post. Għalhekk Galea rnexxielha ġġib l-ewwel żewġ medalji tad-deheb għall-SKSM Karate Malta fir-Russja.

    Dan ir-riżultat kien ta’ kuraġġ kbir għall-atleta żagħżugħ Andrew Galea li kien imissu jikkompeti fit-tieni ġurnata fi tliet kategoriji differenti u kif kien mistenni, kienu mimlijin b’numru kbir ta’ atleti minn kull reġjun Russu. Il-kompetizzjoni kienet waħda iebsa ħafna meta tqis il-livell ta’ nies li ħadu sehem fiha. Fl-ewwel kategorija, dik tal-Kata ta’ età 15-il-sena, Andrew kellu jiffaċċja 36 atleta. Wara erba’ rawnds iebsin, Andrew kellu jikkuntenta bit-tielet post, żewġ punti anqas mir-rebbieħ. Riżultat ta' sodisfazzjon kbir meta tqis l-ammont ta’ atleti kkompetew. Fit-tieni kategorija, li kienet aktar diffiċli ħabba l-età 16-17-il sena, Andrew għamel kuraġġ u ma kien hemm xejn x’jintilef billi jipprova. B’sorpriża kbira, Andrew baqa’ tiela wkoll sar-rawnd finali u reġa’ sab postu fuq il-podium b’medalja oħra tal-Bronż. 26-il atleta ħadu sehem f’din il- kategorija. Dan kien riżultat sorpriża u mhux mistenni ħabba il-livell għoli f’din is-sezzjoni tal-kampjonati.

    L-aħħar kategorija, kienet dik tal-Kumite ta’ taħt is-16-il sena. Din il-kategorija kellha mhux anqas minn 24 atleta li bla dubju ta’ xejn ħadd ma ried jispiċċa l-ġurnata mingħajr medalja. Andrew kellu jiġġieled total ta’ ħames ġlidiet fejn aktar ma qorob lejn il-podium aktar kienet qiegħda tkun diffiċli, però b’determinazzjoni kbira Andrew baqa’ tiela u fl-aħħar tal-kategorija kellu jikkuntenta bit-tielet post min fost 24 atleta. Din kienet it-tielet medalja għalih personali u l-ħames medalja għall-iskola SKSM Karate Malta f’dawn il-kampjonati b’total ta’ żewġ medalji deheb u tlieta bronz.

    Chris Galea, il-kap u kowċ tat-tim Malti wera s-sodisfazzjon tiegħu li għalkemm Malta mimlija limitazzjonijiet huwa xorta rnexxilu jġib dan ir-riżultat hekk sabiħ permezz tal-atleti tiegħu Lucienne u Andrew fil-pajjiż fejn il-karate huwa wieħed mill-aktar sports prattikat u b’saħħtu ħafna.

    Lucienne ġiet ukoll mistiedna tkun parti mill-bord tar-‘referees’ fejn fit-tieni ġurnata hija kienet ukoll responsabbli minn grupp ta’ ‘referees‘ waqt il-kampjonati fis-sezzjoni tal-kbar. Galea hija ‘referee’ u ‘judge’ internazzjonali f’dan il-qasam, fejn ukoll tiġi fdata kull sena tmexxi l-parti teknika tal-edizzjoni MALTA OPEN li tiġi organizzata mill-SKSM Karate Malta.

    Wara din l-avventura, fi ftit ġranet oħrajn, Lucienne se tkun qiegħda tirrappreżenta lil Malta u l-iskola SKSM f’kampjonati Ewropej tal-Karate fi Glasgow l-Iskozja.

    Nawguraw kull suċċess għall-aktar riżultati mistħoqqa lill-atleti ta’ SKSM Karate Malta. Aktar tagħrif fuq www.sksmalta.com

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Lul 14, 2012

    Rizultat tassew misthoqq li kisbu mir-Russja il-ghaliex it-training li jaghmlu jaghmluh b'serjeta' kbira u d-dixxiplina hija l-ewwel post. Prosit tas-success u l-isem li qedin taghtu lill-Malta.

    Irrispondi
  •  

Facebook