Deputat tal-PN tallega li hemm ‘direct link’ bejn Kastilja u l-MEPA

  • Ġun 16, 2015 21:46
  • Miktub minn
"

    Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli allegat li hemm ‘direct link’ bejn Kastilja u l-MEPA u akkużat lil din tal-aħħar li tilfet il-boxxla soċjali.

    Hekk kif matul is-seduta tal-lejla l-Parlament iddiskuta l-estimi tad-dħul u l-ħruġ tal-MEPA, il-kelliema tal-Oppożizzjoni rreferiet għall-każ tal-iżvilupp fiż-Żonqor u qalet li l-MEPA għażlet is-sit mingħajr ma kkunsidrat x’kellha xi tgħid id-diviżjoni għall-protezzjoni tal-ambjent.

    Hija saħqet li fil-MEPA qed isiru ħafna oxxenitajiet u sostniet li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed naraw it-‘true colours’ tal-Prim Ministru fejn għandu ħafna paroli imma fatti xejn.

    Id-deputat Laburista Joe Debono Grech irrimarka li llum donnu kulħadd qed jagħti fuq sidru għall-ambjent imma snin ilu l-istess nies ma kienux jidhru.

    Huwa rrefera għal każ f’Birkirkara fejn art fejn kien hemm għalqa li tinsab ħdejn il-by-pass spiċċat inbniet meta l-istess binja setgħet saret fil-qasam industrijali ta’ San Ġwann biex illum hemm “mostru”.

    Debono Grech qal li meta llum jara ħafna nies jibku għall-ambjent jaqbdu d-daħk għax jara dan bħala dmugħ tal-kukkudrilli meta fil-passat saru sfreġji ambjentali u ħadd ma kkundannahom.

    Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus ilmenta mill-mod kif huwa, bħala membru tal-Bord tal-MEPA f’isem l-Oppożizzjoni, qed jiġi trattat fejn sostna li l-istess bord ma riedx jippubblika l-ismijiet ta’ min iddeċieda l-promozzjonijiet.

    Waqt li semma kif il-MEPA spiċċat ‘hijacked’ mill-Kap Eżekuttiv Johann Buttigieg, huwa iddeskriva bħala oxxenità li l-avukat tal-MEPA Robert Abela ma riedx li l-isem ta’ min iddeċieda l-promozzjonijiet jiġi ippubblikat.

    Huwa qal li tneħħi għalih u Alex Vella f’isem l-għaqdiet ambjentali l-bord ma riedx jippubblika l-ismijiet u sostna li l-MEPA saret qisha l-“Alcatraz ta’ Malta” waqt li semma lil ċertu Ronnie Vella, impjegat tagħha, u akkużah li qed ikun “spija” u jgħaddi informazzjoni lill-iżviluppaturi biex jagħmel ħsara lill-Oppożizzjoni.

    Huwa akkuża impjegata oħra, ċertu Marisa Darmanin li bħal Vella ħadet żewġ promozzonijiet , u qal li din intlemħet tpespes f’widnejn żviluppatur ta’ blokk li nofsu diġà nbena meta bla permess. Skont hu, hemm riħa tinten fil-promozzjonijiet li ngħataw.

    Id-deputat Marlene Farrugia qalet li l-MEPA kellha relevanza meta twaqqfet imma issa għandha relevanza akbar. Hija sostniet li n-nuqqas tal-MEPA li tilħaq l-aspettattiva tan-nies kienet għax taħt il-Gvern Nazzjonalista ntużat ħażin u rrimarkat li tittama lid an ma jiġrix taħt il-Gvern Laburista.

    Farrugia saħqet li l-ħaddiema tal-MEPA għandhom jitħallew jagħmlu xogħlhom mingħajr indħil politiku u appellat lill-ħaddiema biex iservu lill-pajjiż u mhux lil xi partit waqt li appellat biex il-MEPA tingħata ħajja ġdida u titnaddaf.

    Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono saħqet li l-ħsara li saret fil-passat m’għandhomx jiġu ripetuti llum u saħqet li l-pajjiż irid ikollu ġenerazzjoni ta’ politiċi li mhux lesti jagħmlu kompromessi kif qed isiru llum u li minnhom qed igawdu l-ftit.

    Hija rreferit għall-każ taż-Żonqor u waqt li qalet li huwa inkwetanti li kienet il-MEPA li għażlet is-sit flok għamlet l-istudji fuqu saħqet li l-MEPA falliet f’każijiet ta’ ċertu importanza u nsistiet li ma jistax ikollna awtorità li flok tirregola tkun waħda li tagħmel il-kompromessi.

    Id-deputat Laburista Joe Sammut qal li l-MEPA kienet “mostru” fi żmien il-gvern preċedenti u rribatti dak li qal Callus billi sostna li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista l-bordijiet tal-MEPA kien jiċħdu informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni Laburista.

    Huwa saħaq li fl-istess waqt li ma nistgħux nippreservaw għal kollox l-ambjent għax inkella jkollna mmorru nerġgħu ngħixu fl-għerien, lanqas ma nistgħu nibnu kullimkien għax inkella nispiċċaw ngħixu fi blokk tal-konkrit.

    Id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea rrimarka li hemm periti li jibżgħu jitkellmu dwar ċertu affarijiet li qed jiġru li ma jmurx jiġu affettwati minn ċertu deċiżjonijiet u lmenta li hemm diversi ħaddiema fil-MEPA li għandhom qalbhom maqtugħa mill-interferenzi li hemm fiha.

    Huwa lmenta wkoll li ċertu deċiżjonijeit qed jittieħdu għax hekk qed jitlob il-politiku meta l-MEPA għandha tkun awtonoma u jekk hemm ikun bżonn għandha tiġbed widnejn il-gvern tal-ġurnata fuq dak li ma taqbilx miegħu.

    Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għalaq id-diskussjoni billi fost oħrajn li l-Gvern sab MEPA li wirtet 10,000 każ ta’ infurzar pendenti. Huwa qal li l-Gvern żied l-uffiċjali tal-infurzar minn tnejn għal 12 barra li ħatar assistent direttur tal-infurzar.

    Falzon semma li minbarra l-policies li ħejjiet il-MEPA taħt din l-amministrazzjoni hemm oħrajn li qed jitħejjew fothom fuq id-djar tal-anzjani, il-billboards, child care centre u postijiet barra fejn jieklu n-nies waqt li rrikonoxa li min ikun responsabbli mill-MEPA m’għandux xogħol faċli għax irid isib bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp.

    Portelli ma ġietx insultata … Bezzina ma kienx ostakolat

    Fil-bidu tas-seduta l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma laqax talbiet li sarulu mid-deputati Nazzjonalisti Marthese Portelli u Anthony Bezzina biex jiddikjara li kien hemm ksur ta’ privileġġ fil-konfront tagħhom mill-Ministru Joe Mizzi u minn crew ta’ One TV.

    Iż-żewġ każijiet seħħew it-Tnejn fejn fl-ewwel wieħed Portelli ħassitha urtata bil-kumment li għaddilha Mizzi fejn qal li meta kienet fil-bord tal-Wasteserv tħallset ta’ laqgħat li m’attenditx għalihom.

    L-Ispeaker irrefera għal tweġiba parlamentari tal-Ministru Leo Brincat li rreferiet għaliha Mizzi, fejn dan semma kemm kellha ħlas Portelli bħala membru tal-imsemmi bord imma ma semma xejn dwar il-laqgħat li attendiet, u iddikjara li dwar dan il-każ ma kienx hemm ksur ta’ privileġġ imma “political bickering”.

    Fit-tieni każ, fejn Bezzina lmenta li waqt li kien dieħel fil-Parlament kien ostakolat minn ġurnalista u camerman ta’ One TV, l-Ispeaker qal li wara li ra filmati tas-CCTV cameras u ra r-rapport tal-Pulizija rriżultalu li l-crew tal-istazzjon ma kienx fl-ispazju tal-kurduni u meta ra lil Bezzina ġej mar fuqu imma huwa njorah, baqa’ għaddej u x’ħin wasal fl-entratura pulizija fetaħlu u tnejn ressqu lejn il-cameraman biex ma jostakolx lil Bezzina.

    Waqt li rrimarka li mill-provi jirriżultalu li f’dan il-każ ma kienx hemm ksur ta’ privileġġ, l-Ispeaker fakkar lill-mezzi tax-xandir li jeżistu bollards sa fejn jaslu l-membri tal-media għalkemm żied li madwar il-blokka huwa miftuħ għall-pubbliku u għalhekk mhux possibbli jwaqqaf lill-ġurnalisti milli jkunu hemm.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    5