X’jagħmel Kummerċ Ġust?

  • Lul 23, 2012 09:52
  • Miktub minn

    inewsmalta.com tkellem ma' Manuel Falzon, mill-Koperattiva Kummerċ Ġust, dwar x'jagħmel Kummerċ Ġust u l-ħidma tal-koperattiva li tagħha huwa membru.

    X'jagħmel Kummerċ Ġust?

    Il-moviment tal-Kummerċ Ġust huwa wieħed soċjali li l-għan tiegħu hu li jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali ta’ ħaddiema/produtturi żgħar li ħafna minnhom jinsabu f’pajjiżi tat-tielet dinja. Dan il-moviment jaħdem biex jifforma strutturi ta’ kummerċ biex tingħata opportunità lil produtturi emarġinati biex jipproduċu u jbigħu l-prodotti tagħhom filwaqt li jaqilgħu għixien diċenti.

    Il-Kummerċ Ġust huwa mod ta' kummerċ biex jilħaq nies li ġejjin minn pajjiżi fqar. Intant l-organizzazzjoni tal-Kummerċ Ġust jaħdmu ma’ nies li jinsabu f’pajjiżi li huma fl-Amerika Latina, l-Afrika u l-Ażja t’Isfel. Hemm tendenza li nies li joqogħdu f’dawn il-pajjiżi jkollhom inqas ċans biex jikkompetu fuq l-istess skala ma’ produtturi oħrajn u ħafna drabi jkun diffiċli għalihom biex jesportaw il-prodotti tagħhom u jitħallsu b’mod xieraq, filwaqt li d-dinjità tagħhom fuq il-post tax-xogħol tiġi salvagwardjata.

    Ix-xogħol tal-organizzazjonijiet li jifformaw il-Kummerċ Ġust huwa ta’ “labelling” (jiġifieri immarkar fuq il-prodotti), u xogħol ta’ moniteraġġ. Dawn l-organizzazjonijiet jaraw u jivverifikaw li il-produtturi qegħdin iħaddnu l-prinċipji u l-istandards li jitolbu l-kummerċ ġust. Il-prodotti tal-marki tal-Kummerċ Ġust jiġu immirati għal konsumaturi b’kuxjeza li ma jarawx biss il-prezz imma jaraw ukoll il-kundizzjonijiet soċjali li l-ħaddiema li pproduċew dak il-prodott jaħdmu fih.

    Fost dawn l-istandards li jipprovdu l-Kummerċ Ġust insibu:

    1. post ta’ xogħol li huwa strutturalment ‘safe’, jiġifieri ħieles mill-perikli;
    2. paġa diċenti għall-ħaddiema;
    3. ma jkunx hemm xogħol maħdum mit-tfal;
    4. ma jkunx hemm diskriminazjoni bejn in-nisa u l-irġiel, jew kontra nies ta’ twemmin differenti jew orjentazzjoni sesswali differenti;
    5. parti mill-profitt jerġa’ jiġi investit lura fil-komunità minn fejn joriġina l-prodott;
    6. rispett lejn il-kulturi minn fejn ġej il-prodott u rispett lejn l-ambjenti billi xogħol li jolqot serjament lill-ambjent ma jiġix magħmul.

    Dan il-moviment huwa fformat min-numru ta’ organizzazjonijiet differenti fejn l-aktar organizzazzjonijet prominenti huma l-Fairtrade Labelling Organization (FLO), www.fairtrade.net u l-World Fair Trade Organization (WFTO), www.wfto.com.

    Jekk wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni f’pajjiżna, ma taħsibx li diversi għanijiet tal-koperattiva m’humiex jintlaħqu? F’sens, ftit inħoss li hawn kuxjenza dwar din it-tema.

    L-għanijiet tal-Koperattiva huma:

    1. ta’ ‘awareness raising’, jiġifieri li nqajmu kuxjenza dwar ir-realtà tan-nies li qegħdin jgħixu f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

    2. li nippromwovu l-prodotti li għandhom il-marka tal-Kummerċ Ġust.

    Jien naħseb u nemmen li aħna qegħdin inlaħqu l-għanijiet tagħna. Nammeti li għad fadal ħafna xogħol xi jsir u dan għaliex għad fadal ħafna nies li ma jixtrux b’kuxjenza. Dan huwa wieħed mill- fatturi li jimmotivana u jġiegħlna naħdmu aktar.

    Malta huwa pajjiż żgħir ħafna u għalkemm il-Maltin huma nies ta’ kuxjenza u solidari ħafna naħseb huma xi ftit tadizzjonalisti, u forsi din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-kunċett tal-Kummerċ Ġust għadu ma ġiex daqshekk aċċettat mill-Maltin. Il-qagħda finanzjarja tal-Maltin ukoll ma tantx tgħin lill-individwi biex jixtru l-prodotti ta’ kuljum tal-marka tal-Kummerċ Ġust, speċjalment jekk dawn ikunu jiswew ferm aktar.

    Ħafna mill-familji jaraw aktar kif se jiffrankaw ewro milli jħallsu iżjed għall-prodotti li jkunu mmarkati bil-marka tal-Kummerċ Ġust. Ukoll nahseb li Malta ma tantx għandna għażliet vasti ta’ prodotti mmarkati.

    Fi żmien li ħafna persuni qegħdin jiffaċċjaw pressjoni ekonomika kbira, ma taħsibx li huwa diffiċli li tikkonvinċi lil xi ħadd biex jixtri prodott ogħla biex iżomm ma’ ċerti princċipji?

    Iva, filfatt hija diffiċli ħafna biex tikkonvinċi n-nies jixtru prodotti ogħla minħabba li l-proċess tal-produzzjoni tal-prodott jaqa’ taħt prinċipji ġusti. Kif nafu l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi bħalissa mhix sejra daqshekk tajba u din qiegħda tinkoraġġixxi lill-konsumatur biex jixtri l-irħas irrelevanti jekk il-proċess tal-produzzjoni jaqax taħt il-prinċipji tal-Kumerċ Ġust jew le. Iżda ninsab fiċ-ċert li hawn persuni li avolja l-qagħda finanzjarja tagħhom mhix daqshekk tajba, xorta waħda jixtru l-prodotti tal-Kummerċ Ġust.

    Fl-istabbilimenti l-kbar ta’ pajjizna kemm issib prodotti ta’ Kummerċ Ġust? X’inhuma d-diffikultajiet biex isir dan?

    F’Malta ma tantx tista’ tgħid li hawn ħafna prodotti tal-Kummerċ Ġust fl-istabbilimenti l-kbar. Forsi raġuni ovja hija minħabba li l-ħaġa mhix daqshekk invoga u m’hawnx domanda kbira għal dawn it-tip ta’ prodotti. Mill-banda l-oħra dawn l-istabbilimenti l-kbar jużaw l-istrateġija li jimportaw prodotti minn kumpaniji kbar li ħafna minnhom jipproduċu bil-massa u ma jużawx metodi ġusti fil-proċessi tagħhom ‘a skapitu’ ta’ profitti ikbar.

    Biex jidhol aktar Kummerċ Ġust fl-istabilimenti l-kbar importanti li jkun hemm domanda mill-konsumatur. B’hekk il-kumpaniji jkollhom aktar motivazzjoni biex jdaħħluli l-prodotti tal-kummerċ ġust fl-istabbilimenti tagħhom.

    L-awtoritajiet, il-Gvern, x’jistgħu jagħmlu biex il-poplu jitħeġġeġ dejjem iktar jixtri prodotti ta’ Kummerc Ġust?

    Il-Koperattiva Kummerc Ġust temmen li l-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu biex il-kummerċ ikun aktar ġust mal-produtturi b’żewġ modi:

    1. billi jqajjem “awareness” fl-iskejjel tramitè suġġett bħal Soċial Studies u Geography
    2. billi huwa jixtri prodotti li huma magħmulin b’kuxjenza... bħal prodotti li huma immarkati bit-tikketta tal-Kummerċ Ġust jew prodotti li huma magħmulin min-nies li għandhom aċċess għall-unjin jew jaħdmu ma koperattiva, eċċ..

    Rigward l-ewwel punt, aħna verament sodisfatti li minn ftit snin ilu l-Gvern daħħal il-kunċett tal-Kummerċ Ġust fi studju bħal Soċial Studies. B’dan il-mod qed jiġi assigurat li l-istudenti għandhom idea bażika ta’ x’inhu l-Kummerċ Ġust.

    Sfortunatament f’Malta għadha ma daħlitx l-idea ta’ “Green/Ethical Public Procurement”. Il-kelma “Public Procurement” tfisser li l-Gvern joħroġ it-tenders biex in-nies ibiegħu jew jagħtu servizz lill- Gvern. Sfortunatament f’Malta meta l-Gvern joħroġ tender ma jinkludix kwistjonijiet soċjali, bħal pereżempju l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jew il-ħsara ambjentali li ġie ġġenerat fil-produzzjoni ta’ dak il-prodott jew servizz.

    Fejn jidħlu prodotti lokali hemm distinzjoni bejn ġust u mhux ġust, jew din il-problema hija marbuta biss ma’ prodotti li jiġu minn pajjiżi hekk imsejjħa tat-tielet dinja?

    Iva, huwa minnu li hemm ħafna ħaddiema fil-pajjiżi hekk imsejħin “sinjuri” jew “tan-north”, fejn il-ħaddiema huma esplojtati ħafna. Allavolja dan, ħaddiem li qed jaħdem f’pajjiżi li huwa żviluppat isib ħafna aktar benefiċċji u support mill-istess persuna f’pajjiż li qed jiżviluppa. Dan għaliex fil-pajjiżi tat-tielet dinja, ħafna drabi ma jkunx hemm l-mekkaniżmi legali, infra-strutturali u governattivi biex jassiguraw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ma jiġux mittiefsa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0