OVIDIUS IN EXSILIO – Dramm oriġinali bil-Malti ta’ Ġorġ Peresso

  • Lul 11, 2012 14:40
  • Miktub minn

    L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Klassiċi ssieħbet ma’ Mediteatru Group biex tipproduċi dramm oriġinali għall-Festival tal-Arti “Evenings on Campus” li jsir ta’ kull sajf fl-Università ta’ Malta.

    “Ovidius in exsilio” huwa dramm bil-Malti miktub minn Ġorġ Peresso. F’dan ix-xogħol, imsejjes fi żmien Ruma tal-Qedem, Peresso jħallat elementi storiċi mal-fantażija artistika tiegħu biex joħloq dramm li jiddeverti u jipprovoka fl-istess ħin. Ovidius kien poeta kbir u sensazzjonali Ruman, speċjalizzat fil-poeżija erotika. Fis-sena 8 W.K., meta kien fl-aqwa tal-karriera tiegħu, Ovidju kisirha bl-ikraħ mal-Imperatur Awgustu. Ħadd ma jaf x’kien ġara eżatt. Imma Awgustu kkastiga lil Ovidju bla ħniena. Eżiljah għal għomru fl-art ta’ Tomis, fuq il-kosta tal-Baħar l-Iswed, fejn in-nies kienu għadhom jgħixu b’mod primittiv.

    F’dan id-dramm, insibu lil Ovidju fl-eżilju, imdejjaq għall-mewt u b’qalbu maqtugħa, mifrud kif kien mill-ħajja ta’ tlellix li kien imdorri jgħix Ruma. It-tama li għad xi darba jikseb il-maħfra qiegħda dejjem tnin. Saħħtu sejra lura, u qiegħed jibża’ li anke l-muża abbandunatu. Iżda, f’daqqa waħda, jesperjenza mewġa ta’ kreattività ġdida li terġa’ tagħtih speranza għall-ħajja. Se jibda jgħallem il-Latin lill-barbari! Se jġegħilhom jifhmu l-kobor ta’ Ruma! Se jiżra’ ż-żerriegħa taċ-ċiviltà f’din l-art tat-turufnament! Imma x’inhu li reġa’ kebbes in-nar li kien għoddu miet? U, fuq kollox, se jirnexxilu jilħaq l-għan miġnun tiegħu?

    Keith Borg qiegħed jidderieġi l-ewwel xogħol ewlieni tiegħu bħala direttur teatrali. Il-kast huwa magħmul minn taħlita ta’ atturi stabbiliti u oħrajn ġodda. Insibu lil Anthony Ellul, Simone Debattista, Mark Schembri, Claudio Carta, Kurt Pawley, u Chris Scicluna.

    Se jittellgħu żewġ rappreżentazzjonijiet fl-Atriju Vassalli tal-Università ta’ Malta, waħda fis-26 u l-oħra fis-27 ta’ Lulju, u t-tnejn jibdew fid-9.00 p.m. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn Kamra 133 fil-Bini Amministrattiv tal-Università ta’ Malta. Tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri tat-telefon: 2340 2043/2340 2142 jew tibgħat SMS fuq: 7984 3480 jew permezz ta’ imejl fl-indirizz: eveningsoncampus@um.edu.mt

    Din il-produzzjoni qiegħda tittella’ wkoll fl-okkażjoni ta’ avveniment ieħor li jagħmel parti mill-programm tal-Evenings on Campus ta’ din is-sena. Din hija l-wirja ta’ illustrazzjonijiet mill-artista Ġermaniża Monika Beisner, xogħlijiet imnebbħin mill-kollezzjoni ta’ poeżiji mill-mitoloġija magħrufa bħala “Metamorfosi” tal-istess poeta Ovidju. Din il-wirja se tittella’ bejn l-24 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Beisner hija artista magħrufa internazzjonalment u tgħix f’Għawdex.

    Għal iktar informazzjoni, żur is-sit http://www.classicsmalta.org/.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0