Is-soċjetà kollha tieħu benefiċċju kbir minn dak li jagħmlu t-trade unions

  • Jan 17, 2015 16:01
  • Miktub minn

    Il-President ta' Malta, Marie Louise Coleiro, qalet li s-soċjetà kollha tieħu benefiċċju kbir minn dak li jagħmlu t-trade unions u huwa għalhekk li nħoloq il-Forum Nazzjonali, li ma kienx ikun realtà mingħajr is-sehem tat-Trade Unions imsieħba kollha flimkien.

    Dalgħodu fil-Palazz ta’ Verdala, il-President tat bidu għal seminar dwar xi jsir meta jkun hemm għarfien mitlub minn aktar minn trade union waħda għal skop ta’ negozjar. Dan is-seminar ġie organizzat mill-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions flimkien maċ-Ċentru għall-Istudju tax-Xogħol fi ħdan l-Università ta’ Malta.

    Fid-diskors li għamlet fil-ftuħ ta’ dan is-seminar, il-President tat merħba lil dawk preżenti u fakkret li l-Forum Nazzjonali, li ġie varat ftit żmien wara l-bidu tal-Presidenza, inħoloq bir-rieda u bl-għajnuna tar-rappreżentanti tat-Trade Unions kollha, bil-għan li jkun hemm spazju liberu u miftuħ fejn jiġu evalwati u jiġu kkunsidrati metodi ta’ ħidma.

    Spjegat li dan iwassal biex tinħoloq atmosfera ta’ djalogu nazzjonali f’moviment ta’ Trade Unions iktar b’saħħtu għax ikun qiegħed jirrifletti fil-kisbiet li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandhom bżonn ikomplu jkollhom.

    Hija saħqet li dawn l-affarijiet kollha jġibu magħhom stabilità industrijali fil-pajjiż li tfisser ukoll li l-ħaddiema jkunu ferħanin fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-President qalet li meta jkun hemm il-ħaddiema ferħanin, ser ikun hemm ukoll armonija fis-soċjetà tagħna u armonija li tissarraf f’iktar kuraġġ minn min iħaddem, mill-industrijalist u min-nies tan-negozju biex jinvestu u joħolqu iżjed xogħol. Iwassal ukoll biex il-ħaddiema jiftiehmu bejniethom u jagħmlu xogħolhom b’aktar ħeġġa u effiċjenza.

    Il-President saħqet li fl-aħħar mill-aħħar, is-soċjetà kollha tieħu benefiċċju kbir minn dak li jagħmlu t-Trade Unions u huwa għalhekk li nħoloq il-Forum Nazzjonali, li ma kienx ikun realtà mingħajr is-sehem tat-Trade Unions imsieħba kollha flimkien. Hawnhekk, il-President saħqet li dan il-Forum huwa tagħhom u għalihom u li għandu jintuża bl-iktar mod effiċjenti flimkien maċ-Ċentru tal-Istudju tax-Xogħol u tal-Università ta’ Malta li huma wkoll huma l-imsieħba tal-Presidenza f’dan ir-rigward.

    Meta tkellmet fuq is-suġġett tas-Seminar, il-President qalet li dan huwa suġġett sensittiv li minn dejjem kien kontenzjuż u minn dejjem iqajjem sentimenti u emozzjonijiet u ġieli anka jkun ta’ xkiel għal min iħaddem, għat-Trade Unions, għall-membri tagħhom u għal ħaddiema oħra, suġġett li anke wara li tiġi solvuta kwistjoni dejjem jispiċċa jħalli firda u nuqqas ta’ ħbiberija anka bejn il-ħaddiema nfushom u din hija l-iktar ħaġa li jeħtieġ tiġi evitata minħabba li dan iwassal għal xogħol li ma jsirx b’mod effiċjenti.

    Il-President qalet li hemm bżonn li t-trade unions iħarsu lejn din il-kwistjoni bl-istess lenti u li ma jkunx hemm każijiet fejn it-trade unions jispiċċaw f’battibekki bejniethom, meta kollha kemm huma qegħdin hemm għall-istess għan, dak li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiem.

    Il-President qalet li hemm bosta fatturi li mhumiex fil-kontroll tat-trade unions, però hemm bosta fatturi li jista’ jsir xi ħaġa fuqhom. Wieħed minn dawn huwa d-dritt fundamentali li kull bniedem għandu li jassoċja ruħu b’mod ħieles. Dan ifisser li l-ħaddiema għandhom dritt jissieħbu f’iktar minn union waħda.

    Hija semmiet ukoll li l-Kostituzzjoni Maltija ma tipprovdix qafas legali għal din il-kwistjoni, tant li hemm nuqqas ta’ gwida ċara fuq kif għanda tiġi trattata. Hawnhekk, il-President appellat lill-politiċi u qalet li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-Liġi Industrijali ta’ Malta, permezz ta’ djalogu bejn il-politiċi u t-trade unions.

    Hija qalet li għandu jkun hemm bottom-up approach biex tinsab ir-riċetta li tkun magħmula b’soluzzjonijiet li jkunu jistgħu jinbidlu f’linji gwida.

    Fi tmiem id-diskors tagħha, il-President irringrazzjat lill-istudenti taċ-Ċentru għall-Istudju tax-Xogħol talli resqu ‘l quddiem bix-xogħolijiet tagħhom biex jagħtu l-bażi għad-diskussjoni ta’ waqt is-seminar. Hija ttamat li dan is-seminar iservi bħala okkażjoni biex jingħata spazju liberu, frank u onest. Qalet li b’din it-tip ta’ konverżazzjoni franka, it-trejdjunjoniżmu Malti ser jittella’ f’livell ogħla milli hu preżentament.

    Waqt dan is-seminar, tkellem id-deputat Prim Ministru Louis Grech, il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Therese Comodini Cachia u s-Sur Mario Mallia mill-Alternattiva Demokratika.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Jan 17, 2015

    Mela ibda mill-MAM u MUNN! Direttivi left right and centre u ibghati il-pazjent.

    Irrispondi
  •  

Facebook