“Nidher 20 sena iżgħar… kuntenta b’dak li għamilt”

  • Set 25, 2012 17:17
  • Miktub minn Roberta Fenech
"

    Il-kantanta u preżentatrici Mariella Pace Asciak għamlet sitt operazzjonijiet bil-għan li tbiddel id-dehra tagħha u bħalissa tinsab it-Turkija fejn se tkun qiegħda tgħaddi minn proċedura oħra. Kienet deċiżjoni kuraġġjuża dik li ħadet Mariella, li riedet tidher u tħossha aħjar. Illum tgħid - u bir-raġun - li ġiet tidher 20 sena iżgħar u għalhekk hija kuntenta ferm b’dak li għamlet.

    “Għandi 54 sena u n-nies jgħiduli li sirt nidher 20 sena iżgħar,” tgħid Mariella b’ċertu sodisfazzjon.

    Iżda, il-mistoqsija tqum waħidha: Għaliex il-ħtieġa ta’ tant operazzjonijiet? Iktar minn hekk inpoġġilha l-mistoqsija l-iktar iebsa, iżda li ssir minn ħafna: “Għax m’għandniex inkunu kuntenti b’dak li għandna?” Għal dan Mariella għandha tweġiba ċara. Ma taħsibiex darbtejn u tibda tispjega.

    “Għamilt sagrifiċċju kbir biex nagħmel id-dieta u rnexxieli ninżel 30 kilo. Iżda, minflok kont kuntenta meta nħares fil-mera, kont qed nara li l-ġilda ta' għonqi kienet ġiet wisq kerha. Kien niżel kollox u baqgħet biss ġilda kerha,” bdiet tispjega Mariella.

    “Jien inħobb ħafna l-ħelu, kull tip ta' ħelu. Minn meta miet missieri ta' kull sena fir-Randan bħala sagrifiċċju ma niekolx ħelu. Ta' kull sena kien jirnexxieli nogħlob, imma hekk kif idoqqu t-tokki ta' nofs il-lejl fl-Għid naqsam il-figolli u l-bajd tal-Għid u f'kemm ili ngħidlek intella' dak li nkun neħħejt. Sentejn ilu għedt ma jistax ikun li dan is-sagrifiċċju kollu jintilef hekk f'ħakka t'għajn u għalhekk komplejt noqgħod attenta x'niekol. Kien hemm li nqast 30 kilo,” issoktat tirrakkonta Mariella.

    Imma minflok dan ir-riżultat kisbilha ferħ, Mariella saret konxja ħafna ta' kif tidher: “Ta' ċerta età l-ġilda ma tibqax li tkun, għolobt ħafna imma l-elastiċità tal-ġilda ma kinitx hemm għalhekk kien hemm ħafna ġilda żeja u vojta li bdiet iddejaqni.”

    Kien hawn li għamlet l-ewwel operazzjoni. Mariella tgħid li l-ewwel operazzjoni li għamlet f'għonqha kien hawn Malta, imma r-riżultat xejn m'għoġobha. “Ħassejtni ġejt agħar mhux aħjar,” qalet mingħajr tlaqliq. Kien f'dan iż-żmien li semgħet bit-tabib Tork Bulent Cihantimur. “Mhux biss urieni d-difetti f'għonqi imma wkoll id-difetti li kelli f'wiċċi u urieni x'differenza kien se jkun hemm. Ma stajtx ngħid le,” kompliet Mariella.

    F'Istanbul, Mariella għamlet sitt operazzjonijiet bejn wiċċha u għonqha f'daqqa, tant li damu joperawha 'l fuq minn sitt sigħat.

    “L-ewwel jumejn bdejt ngħid ara jien x'għamilt b'idejha… kelli wiċċi minfuh, kelli l-ħmura u ħafna faxex. Imma wara li niżlet il-ħmura u marret in-nefħa, kont kuntenta ħafna bir-riżultat. Għandi 54 sena u n-nies jgħidulu li sirt nidher 20 sena iżgħar, ħafna kuntenta b'dak li għamilt,” tbismet Mariella. Hi qalet ukoll li wara li għadda l-effett tal-loppju qatt ma ħasset uġigħ, tant li f'inqas minn ġimgħa niżlet lura Malta.

    Mistoqsija minn inewsmalta.com x'kienet ir-reazzjoni tal-familja tagħha Mariella tirrakkonta dak li kien qalilha żewġha hekk kif waslet lura Malta wara l-operazzjonijiet. “Jien ġejt lura Malta ftit ġranet wara li għamilt l-operazzjonijiet, għalhekk kien għad għandi xi ftit tan-nefħa u punti u mnieħri ffaxxat. Kif ħriġt mill-ajruport qalli ‘hemm x'għamilt f'wiċċek?’ Illum jiddispjaċih li qalli hekk imma jien se nibqa' nfakkarilu,” daħket il-preżentatriċi.

    Mariella tirrakonta li fil-bidu ħadd ma kien jagħrafha tant li darba kienet il-bank ma' żewġha u kien hemm kuġinuha u beda jkellmu u lilha injoraha għax ma ndunax minn hi.

    “Jien mara kuraġġuża u li l-ħajja niġġildilha,” qalet Mariella hekk kif żvelat kif ilha għal dawn l-aħħar 13-il sena tbati bil-multiple sclerosis. “Sentejn ilu qabditni osteoporosis (dgħjufija fl-għadam), qawwija. Meta nkun muġugħa l-uġigħ ikun kbir, għamilt żmien anke f'wheelchair kont. Jien tant għandi l-għadam dgħajjef li m'għandiex bilanċ. Jekk xi ħadd jgħaddi eżatt minn miegħi jew imissni jien naqa'. Imma din il-kundizzjoni niġġildilha, kieku ma kienx hekk ilni li spiċċajt f'qiegħ ta' sodda. Fil-ħajja ċertu affarijiet ma tistax tirranġhom u trid taċċethom eżatt kif inhuma. Imma fuq il-fatt li kont qed inħossni tant ħażin bil-mod ta' kif kont nidher stajt nagħmel xi ħaġa u għamiltha,” spjegat Mariella. Hawn, mingħajr ma trid tammira d-determinazzjoni tagħha.

    Il-kantanta li bħalissa tinsab it-Turkija fejn se tagħmel beltectomy, qalet li għalkemm qatt ma kienet kontra l-cosmetic surgery fl-istess ħin qatt ma ħasbet fuqha.

    Fuq il-beltectomy Mariella qalet li tinsab ħerqana biex tagħmilha wara li għaddiet sajf tilbes speċi ta' bodysuites biex ma tkunx tidher il-ġilda vojta.

    “Li jien kontra huma n-nies li jsiru addict tagħha u li jeseġeraw. Jien irrid nieħu biss l-affarijiet tajbin u mhux inkabbar u nċekken u nbiddel imma biss nirranġa dak li għandi. Għalhekk lil dawk kollha li għadhom qegħdin jaħsbuha ngħidilhom iva għamlu l-kuraġġ għamluha għax tagħtikhom sodisfazzjon kbir,” temmet tgħid Mariella fi tmiem ta’ diskursata twila mhux ħażin. Diskursata li tixhed li jekk Mariella nbidlet minn barra minn ġewwa baqgħet dik li hi: determinata, iżda simpatika.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    32