Marjelena... min hi?

  • Nov 24, 2014 12:41
  • Miktub minn

    Fi tmiem din il-ġimgħa se jsiru l-aħħar rappreżentazzjonijiet tad-dramm Marjelena, li nkiteb minn Leanne Ellul u se jittella' fuq il-palk minn Bakkanti Troupe, taħt id-direzzjoni ta' Josette Ciappara. F'din l-intervista qed inwasslulkom tagħrif dwar id-dramm innifsu kif ukoll dwar Bakkanti Troupe.

    Kif beda l-grupp?

    Il-Bakkanti Troupe ilu mwaqqaf mis-sajf tal-2011 u hu magħmul minn seba’ membri: Alison Abela, Louise Fenech, Gilbert Formosa, Olivia-Ann Marmarà, Mandy Mifsud, David Scicluna Giusti, u Aldo Zammit. L-idea tal-grupp nibtet fl-2008 f'Palazzuolo, fi Sqallija, fejn xi wħud mill-membri konna qegħdin intellgħu t-traġedja Griega The Bacchae, minn fejn ħadna isimna. Bħala grupp bqajna ngħożżu l-ideat ta’ xulxin u nixtiequ nkomplu naħdmu biex dawn l-ideat nagħtuhom il-ħajja fuq il-palk.

    X'tip ta' rappreżentazzjonijiet tipproduċu?

    Bħala Bakkanti naħdmu fuq produzjonijiet li huma bil-Malti, ħafna drabi fuq drammi oriġinali u fi spazji differenti li normalment mhumiex meqjusa bħala teatri. L-għan tagħna huwa li ntellgħu drammi ta’ kwalità li huma aċċessibli għal kulħadd, mhux biss għal dawk li huma midħla sew tat-teatru. F’dawn l-aħħar snin ħadna sehem f’diversi produzzjonijiet fosthom Plautus Strait u Meta Toħlom Strada Stretta.

    Xi tgħidulna dwar id-dramm Marjelena?

    Dan id-dramm jippreżenta diversi faċċati tal-ħajja ta’ Marjelena; id-dwejjaq tagħha mhumiex differenti wisq mill-ferħiet tagħha u dak li ġralha fil-passat għadu jiġri warajha sal-lum. Min żiegħel biha mod u min mod ieħor. Min abbużaha mod u min mod ieħor ... U issa spiċċat ħażin.

    Veru li dan id-dramm inkiteb apposta għalikom bħala grupp? X'valur taraw f'dan?

    Kif għedna qabel, bħala grupp teatrali nħobbu naħdmu fuq drammi oriġinali. Iktar minn sena ilu Leanne Ellul aċċettat il-proposta tagħna. Dan il-fatt jgħaddik minn avventura; iddiskutejna l-ideat tagħna ma’ Leanne u mbagħad rajna l-ewwel ideat imħażża u ddiskutejniehom biex żvolġejniehom flimkien mal-awtriċi. Imbagħad rajna l-prodott sħiħ u rqomna fih xi dettalji żgħar biex tajnieh iżjed kulur. Hija avventura interessanti li tul il-fażijiet tagħha tapprezza mill-qrib l-ideat u l-ħsibijiet tal-awtriċi; il-mod kif ideat differenti jitpoġġew fuq karta u bil-mod jaslu biex jieħdu l-ħajja. Għalina din l-avventura hi ta’ valur kbir għax fiha jkollna ċans nimxu pass pass u napprezzaw kif minn “xrara tinħoloq ħuġġieġa,” ħuġġieġa ta’ espressjonijiet u emozzjonijiet.

    X'kienet l-akbar sfida ta' dan id-dramm?

    Għalina l-akbar sfida kienet li tifhem il-ħsibijiet tal-awtriċi wara ċerti frażijiet u tagħmilhom reali. Għal kull biċċa xogħol ħafna drabi jkun hekk, iżda dan id-dramm jeħtieġ ħsieb profond biex titwassal il-qagħda ta’ Marjelena permezz tas-sitwazzjonijiet ippreżentati.

    Qabel bdiet tikteb id-dramm, l-awtriċi tiegħu kienet iltaqgħet magħkom sabiex tieħu idea tal-grupp. Taħsbu li d-dramm hu estensjoni tal-karattri tagħkom, jew le?

    F’ċerti mumenti rajna li iva hemm estensjoni tal-karattri tagħna, iżda hi estenjsoni ta’ ħafna għax meta tpoġġi bilqiegħda u tixtarr ftit li jkun qiegħed jingħad tirrealizza li xi kultant jkollok tendenza li taġixxi b’dak il-mod jew inkella tħoss li fil-fond ta’ qalbek tgħid ċertu diskors jekk ma jirnexxilekx tesprimih.

    X'inhu r-rwol tal-irġiel fi dramm b'isem femminili u b'iktar minn mara waħda?

    L-irġiel jgħinuna niltaqgħu ma’ realtajiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum anke jekk ma esperjenzajnihomx aħna. Jista’ jkunu realtajiet ebsin iżda kif wieħed jaġixxi huwa dak li jħoll u jorbot fil-ħajja.

    Għaliex għażiltu l-green room ta' Pjazza Teatru Rjal biex ittellgħu d-dramm?

    Rajna li din il-kamra tpoġġi lill-udjenza iktar fl-ispirtu ta’ dak li se jiltaqgħu miegħu tul dan id-dramm. Tgħin iżjed biex wieħed iħoss mill-qrib dak li qed iħossu l-karattri li se jkunu quddiemhom. Wara kollox bħala Bakkanti Troupe dan il-fattur infittxuh, li lill-udjenza ngħinuha tidħol u tifhem iżjed xi jkun qed iseħħ quddiemhom anke permezz tal-ispazju li jintuża.

    (Marjelena se jittella' mit-28 sat-30 ta' Novembru u huwa adattat għal persuni minn 16-il sena 'l fuq. Għal aktar tagħrif ibgħat email lil info@bakkanti.com jew ċempel fuq 77088089.),

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0