Impenn biex l-ekonomija u l-ambjent jgħinu lil xulxin jissaħħu

  • Ott 25, 2014 14:41
  • Miktub minn
"

    L-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-iżvilupp sostenibbli, is-Circular Economy, l-azzjoni favur il-klima, u l-miri ambjentali għal Malta kienu fost it-temi ewlenin diskussi mill-imsieħba soċjali, rappreżentanti ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili u tan-negozju, NGOs u l-pubbliku ġenerali, mal-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, waqt laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC.

    Din il-laqgħa, kif spjega Dr Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, kienet ir-raba’ waħda minn sensiela ta’ laqgħat pubbliċi organizzati matul din is-sena, u li qegħdin iservu ta’ konsultazzjoni u evalwazzjoni tal-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ għal Malta fil-kuntest tal-10 snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dr Xuereb spjega s-sinifikat ta’ dawn il-laqgħat fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress fil-miri tal-istrateġija u fil-kuntest ta’ fejn irid imur pajjiżna fis-snin li ġejjin bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Ministru Brincat saħaq li biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-ambjent hemm bżonn sinerġija qawwija fi ħdan il-Gvern innifsu, kemm fuq livell Ministerjali u anki fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-entitajiet li jagħmlu parti minnu. Min-naħa l-oħra l-Gvern għandu jservi l-aktar ta’ katalista sabiex jagħti l-ispazju kollu meħtieġ lis-settur privat.

    Il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tidher li se jkollha l-iżvilupp sostenibbli mifruxa bħala responsabbiltà, jikkonferma li dan huwa qasam li hemm bżonn jitwessa’ sabiex kulħadd iġorr ir-responsabbiltà għat-twettiq tiegħu.

    L-impenn tal-Gvern wassal li mhux biss ikollna - skont l-istess Kummissjoni Ewropea - rekord pożittiv ħafna dwar infringements Ewropej, tant li ġejna kklassifikati flimkien ma’ żewġ pajjiżi Baltiċi fost l-aqwa performers fl-Unjoni Ewropea, iżda rnexxielna nagħlqu wkoll ħafna proċeduri li kienu se jinbdew kontra pajjiżna bħal fil-każ tal-Access to Justice fost oħrajn.

    Il-Ministru Brincat qal li għalkemm huwa importanti li kull liġi turi għarfien tal-karatteristiċi ewlenin ta’ kull stat membru, pajjiżna se jkun fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea b’leġiżlazzjoni mirquma skont iċ-ċirkustanzi ta’ pajjiżna, dwar l-azzjoni favur il-klima u t-tniġġis tal-ħsejjes kif imwiegħed fil-Budget 2014.

    Żied jgħid li r-ritmu qawwi li qabad l-iżvilupp ekonomiku f’pajjiżna mhux talli mhux se jtellef l-afforestazzjoni ta’ gżiritna, talli studju dwar il-potenzjal tat-tkabbir tiegħu li ġie kkummissjonat lil professur universitarju u ekoloġista prominenti mistenni jitlesta dalwaqt u wara li jiġi mgħarbel mill-Ministeru, għandu jitressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern innifsu.

    Kif imwiegħed fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Ambjent, se jinħatar fil-ġejjieni qrib Kunsill Konsultattiv Xjentifiku dwar l-Ambjent, kif għandhom għadd ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. It-termini ta’ referenza tiegħu qegħdin jiġu finalizzati.

    Il-Ministru semma kif pajjiżi bħall-Emirati Magħquda, li għandhom ħafna riżorsi naturali, jittrattaw il-kunċett tal-ekonomija l-ħadra u żvilupp sostenibbli b’impenn. Huwa qal li hekk irridu nagħmlu aħna biex nibqgħu kompetittivi.

    Dwar il-qasma tal-MEPA, il-Ministru Brincat qal li għaddej xogħol ħiemed iżda effettiv ħafna minn change management team li fi żmien qasir rebaħ il-fiduċja tal-ħaddiema tad-Direttorat Ambjentali għall-mod miftuħ u konsultattiv li bih qed jopera. It-tir tal-Ministeru tal-Ambjent huwa li t-tranżizzjoni ssir b’tali mod li l-ħaddiema jħossu ruħhom aktar motivati, kif ukoll li ċ-ċittadini ta’ pajjiżna jibdew iħossu d-differenza għall-aħjar.

    Il-Ministru saħaq li l-Ministeru tiegħu ma jistax jitqies bħala xi eNGO jew xi Ministeru maqtugħ għalih mill-kumplament tal-Gvern, iżda fl-istess ħin stqarr li huma dejjem wasslu u se jibqgħu jwasslu l-vuċi tagħhom fil-livelli kollha skont kif jitolbu ċ-ċirkustanzi.

    Waqt il-laqgħa saru diversi interventi mill-parteċipanti, fosthom dwar l-iskart inkluż dak tal-ikel, siġar u afforestazzjoni, tniġġis mill-ħsejjes, l-iżvilupp sostenibbli f’livell ta’ gvern ċentrali u dak lokali, ekokontribuzzjoni, il-bijodiversità, il-miri u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, l-ilma, l-art u r-riżorsi naturali, l-enerġija mill-iskart u l-bini.

    Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Brincat qal li din il-laqgħa kienet opportunità biex jitwasslu għadd ta’ messaġġi importanti fosthom li t-tkabbir ekonomiku huwa imperattiv iżda dan dment li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. L-effetti ta’ politika sostenibbli ma għandhomx jitħaddmu biss minħabba dak li mistenni minnha u hija vitali li tinqered il-gwerra bejn interessi ekonomiċi u ambjentali u li jsiru kumplimentari għal xulxin. Huwa qal li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-lat soċjali jkun dejjem imħares u kull politika għandha tħares għat-tul u mhux short term.

    Huwa qal li ħareġ ċar ukoll li fost l-isfidi immedjati nsibu: il-bidla fil-klima, it-tnaqqis u s-separazzjoni aħjar tal-iskart biex innaqsu l-ħtieġa tal-landfills u nqisu l-iskart bħala riżorsa, it-tniġġis, il-ħarsien tal-ambjent u r-riżorsi naturali minn sfruttament żejjed, il-wirt storiku u kulturali, l-edukazzjoni u s-sehem pubbliku.

    Dawn il-laqgħat pubbliċi qegħdin jiġu organizzati mill-MEUSAC u ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0