Il-qalb, ir-ruħ... u l-leħen

  • Ott 08, 2014 08:15
  • Miktub minn Daniela Attard Bezzina

    Ftit huma l-esperjenzi fil-ħajja li, tirrepetihom kemm tirrepetihom, jibqgħu jqajmulek ġismek xewk xewk u jgħaġġlulek ir-ritmu ta' qalbek. Għalija Voices huwa waħda minnhom. U nħossni hekk minn qalb l-udjenza... aħseb u ara kieku kelli nkun fuq dak il-palk! Palk li fuqu ma tarax xi spettaklu ta' żfin jew kostumi iżda tara mitejn ruħ lebsin flokkijiet ta' lwien differenti li bil-ġmiel ta' leħinhom jirnexxilhom idaħħluk f'seħer li ma jkollokx qalb tistenbaħ minnu.

    Din hija t-13-il eduzzjoni ta' Voices, u għal din is-sena ntgħażlet it-tema“Heart and Soul”. L-ewwel edizzjoni kienet saret fl-1991 u minn dak iż-żmien Voices sar kull sentejn, iżda ġieli kull sena wkoll.

    Matul dawn is-snin, bis-saħħa ta' Voices inġabru aktar minn €1.7 miljuni, li tqassmu fost diversi organizzazzjonijiet tal-karità. L-għaqdiet li se jibbenefikaw mill-kunċerti ta' din is-sena huma s-sorijiet tal-karità ta' Santa Ġovanna Antida, is-Servizz għar-Refuġjati tal-Ġiżwiti, u l-Permaculture Research Foundation.

    Ir-repertorju estensiv ta' din is-sena jikkonsisti fi 22 silta popolari, fosthom tal-Queen, Beyonce, Michael Jackson, Elton John u Lorde, li flimkien jiggarantixxu lejla memorabbli. L-arranġament mużikali tal-kanzunetti sar minn Maestro Kevin Abela. Il-kor hu mmexxi minn Martina Caruana u akkumpanjat minn disa' mużiċisti mmexxija mid-drummer Sandro Grech.

    Nofs siegħa qabel beda l-kunċert tal-Ħamis li għadda, morna wara l-kwinti f'Dar il-Mediterran biex nieħdu l-kummenti ta' wħud mill-koristi, li qattgħu s-sajf jagħmlu l-provi bi tħejjija għall-għaxar kunċerti tal-edizzjoni ta' din is-sena. Barra fit-triq kien hemm diġà folla kbira ta' nies jistennew biex jidħlu.

    Sarah Jane Vella, ta' 25 sena minn Ħ'Attard, hija membru tal-kor u għandha wkoll parti ta' solista f'kanzunetta minnhom. Hija qaltilna li minn meta kienet tifla kienet tixtieq tieħu sehem f'Voices, kemm għax tħobb tkanta u kemm għax l-għan tal-kunċerti huwa li tingħata għajnuna lil min għandu bżonnha. Meta fl-aħħar ġietha l-opportunità li tieħu sehem, l-esperjenza kienet waħda tassew sabiħa.

    “In-nies hawnhekk huma tassew mill-aħjar. Veru jagħtu kasek u jaraw kif jgħinuk bl-aħjar mod possibbli, Tant ħadt gost l-ewwel darba, li ddeċidejt li nerġa' nieħu sehem din is-sena,” qalet Sarah Jane.

    Dwar il-fatt li minħabba Voices is-sajf kollu jkun dedikat għall-provi, qalet li dan hu sagrifiċċju kbir iżda fl-aħħar mill-aħħar l-esperjenza hija tassew worth it. “Jekk tħobb il-mużika u trid tieħu gost filwaqt li tgħin lil ħaddieħor, ejja sa Voices. Għandna ħafna ppreparat għalik u se tieħu pjaċir żgur.”

    Fost in-nies għaddejjin iħaffu wara l-kwinti rajt wiċċ familjari: dak ta' Patrick Wirth, li min bħali segwa Voices tul is-snin jagħrfu għax edizzjoni wara l-oħra dejjem rah fuq dak il-palk. U tul is-snin ma baqax l-uniku membru tal-familja tiegħu fuq il-palk, għax illum miegħu jieħdu sehem f'Voices martu u ż-żewġ uliedu wkoll! Ma stajtx ma nitolbux kumment.

    Spjegali li fl-ewwel edizzjoni ta' Voices huwa kien wieħed mill-isponsors u kellu żewġ biljetti biex imur jara wieħed mill-kunċerti mal-mara. Tant ħa pjaċir li talab lill-organizzaturi biex fl-edizzjoni ta' wara jikkunsidrawh biex jieħu sehem bħala membru tal-kor. It-talba tiegħu ntlaqgħet, u minn dakinhar 'l hawn ma falliex edizzjoni waħda.

    “Meta bdejt fl-1994 kienet esperjenza sabiħa wisq, u mbagħad meta tara li qed tagħmel dak il-ġid u fl-istess ħin tieħu gost, tkun tixtieq tirrepeti l-esperjenza. Veru li tqatta' sjuf sħaħ f'rehearsalhs fuq rehearsals, li xi drabi jkunu tedjanti, imma meta fl-aħħar tieħu dak is-sodisfazzjon mużikali personali u tara dak il-ġid jitqassam lil nies fil-bżonn, xi ħaġa tibqa' tiġbdek lura u kull sentejn tgħid, 'Għaliex le?'”

    Staqsejtu jekk jarax kull edizzjoni isbaħ minn ta' qabel. Qalli li kull edizzjoni hija differenti. “Ikun hemm edizzjoni li fiha tispikka l-għaqda fost il-membri tal-kor; ikun hemm edizzjoni fejn tispikka l-kwalità tal-mużika; ikun hemm edizzjoni fejn tispikka l-band,” qal Patrick filwaqt li stqarr li dak li jibqa' dejjem l-istess huwa l-fatt li hu dejjem jinsa l-kliem tal-kanzunetti!

    Alexia Curmi, ta' 31 sena minn San Ġwann, ilha tieħu sehem f'Voices mis-sena 2000. Meta kienet għadha tifla, oħtha kienet teħodha għall-kunċerti u hi kienet determinata li xi darba tkun fuq dak il-palk tkanta mal-kor. Sa fl-aħħar il-ħolma saret realtà, u l-esperjenza ssarrfet f'waħda li m'hawnx bħalha.

    Mistoqsija x'jagħmel din l-esperjenza daqshekk speċjali, wieġbet li dan hu l-fatt li grupp ta' nies jaħdmu għal għan wieħed u kull wieħed minnhom jagħmel dan b'mod volontarju. “F'Voices hemm għaqda li jien ma nsibx fi produzzjonijiet oħra. U bħala show komplet, għalija huwa... lussu.”

    Jeanelle Newell, waħda mill-koristi l-ġodda ta' din l-edizzjoni ta' Voices, qaltli li minn dejjem kienet tammira lil dawk li jieħdu sehem għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom biex itellgħu kunċerti mill-isbaħ għal kawża ġusta. Kienet tkun qalb l-udjenza, toħlom li xi darba hi wkoll tkun fuq il-palk. Fil-fatt sentejn ilu, waqt li kienet fl-udjenza tqassmu kartolini biex fuqhom kulħadd jikteb x'inhi l-ħolma tiegħi, u hi kitbet li l-ħolma tagħha kienet li tieħu sehem f'Voices.

    Bi ftit inkoraġġiment mill-ħabib tagħha (u korista f'Voices ukoll), Lello Ebejer, Jeanelle din is-sena għamlet audition u ntgħażlet biex tkun parti mill-kor.

    “S'issa nista' ngħid li l-esperjenza ta' Voices kienet inkredibbli. Veru li kelli nagħmel xi sagrifiċċji, imma s-sodisfazzjon li tagħmel ftit differenza fil-ħajja ta' xi ħadd huwa l-albar premju li tista' tirċievi. L-emozzjoni li tosserva l-uċuħ tal-benefiċjarji minn fuq il-palk, il-ferħ meta l-udjenza ċċapċap bil-qalb u tkanta magħna, il-ħbiberiji fost il-korsiti... dawn kollha huma elementi li jagħmlu lil Voices suċċess hekk kbir,” qalet Jeanelle filwaqt li esprimiet it-tama li din l-ewwel esperjenza tagħha tibqa' tirrepetiha għal bosta edizzjonijiet oħra.

    •Jekk trid tesperjenza Voices, fadallek żmien sal-Ħadd li ġej. Għal aktar tagħrif, żur is-sit http://voices.org.mt jew il-paġna ta' Facebook bl-isem Voices Foundation.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook