Modern Music Days - mużika esperimentali bi sfond Barokk

  • Set 24, 2014 12:27
  • Miktub minn

    Il-Belt Valletta: belt tal-kavallieri; patrimonju UNESCO; belt fortifikata; ċentru Barokk ... Il-Belt Valletta għandha bosta titli li kollha, b’mod jew ieħor, huma marbutin mal-passat. Il-kulur tas-swar bħallikieku joħloq tifkira sepja ta’ ritratt mitfi mill-imgħoddi. Iżda l-inizjattiva Modern Music Days qed tipproponi qawsalla ta’ kuluri f’dan il-gwarniċ.

    Modern Music Days (MMD), se tippreżenta sensiela ta’ kunċerti b’repertorju tas-seklu għoxrin kif ukoll b’idjoma esperimentali u kontemporanja. L-inizjattiva MMD għandha l-għan li twassal din il-mużika għand udjenzi ġodda b’mod interessanti u interdixxiplinari. L-ewwel kunċert f’din is-sensiela se jittella’ nhar is-Sibt 11 ta’ Ottubru fit-Teatru Manoel u joffri wirja ta’ perkussjoni u projezzjoni mill-grupp Ingliż Powerplant. Dan l-ispettaklu jittraxxendi l-idea ta’ sempliċi “kunċert” għax minbarra l-virtwożiżmu tal-perkussjonist Joby Burgess, Powerplant jinkludi element b’saħħtu viżwalment.

    Karatteristika interessanti ta’ MMD hija propju l-kuntrast bejn il-mużika moderna u l-isfond Barokk tal-Belt Valletta. Il-kunċert ta’ Powerplant se jsir ġot-Teatru Manoel li huwa meqjus bħala wieħed mill-eqdem teatri li għadu jopera sal-ġurnata tal-llum. It-Teatru Manoel fil-fatt inbena fis-sena 1731 mill-Granmastru Antonio Manoel de Vilhena, u huwa wieħed mill-isbaħ eżempji ta’ arkitettura Barokka.

    Nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru, l-inizjattiva MMD se tippreżenta kunċert għall-orgni u għall-kor fil-katidral tal-Anglikani ta’ San Pawl, il-Belt Valletta. Dan il-kunċert jinkludi lill-organista tal-Kappella ta’ San Ġorġ tal-Kastell ta’ Windsor, flimkien mal-kor Għawdxi Schola Cantorum Jubilate. Aspett importanti ta’ MMD huwa l-kollaborazzjoni bejn mużiċisti Maltin u mużiċisti internazzjonali. Il-programm ta’ dan il-kunċert jinkludi l-mużika ta’ Leonard Bernstein, Benjamin Britten, Bob Chilcott, Philip Glass, David Lang, Olivier Messiaen, Christopher Muscat, John Tavener u Ruben Zahra.

    Kollaborazzjoni oħra bejn it-talent lokali u dak internazzjonali, narawha fil-kunċert tat-30 ta’ Novembru, bl-isem: Ensemble. L-inizjattiva MMD se toħloq l-opportunità biex mużiċisti mill-Brno Contemporary Orchestra (Repubblika Ċeka), jingħaqdu ma’ mużiċisti lokali bħala grupp wieħed taħt id-direzzjoni tas-surmast Pavel Šnajdr. Dan il-kunċert se jippreżenta wħud fost l-aktar kompożizzjonijiet importanti ta’ kompożituri mis-seklu għoxrin u ta’ żmienna. Għalkemm din il-mużika hija esperimentali u avant-garde toffri esperjenza mill-aktar affaxxinanti. Il-programm ta’ dan il-kunċert jinkludi l-mużika ta’ Pierre Boulez, Guillaume Connesson, Trevor Grahl, György Ligeti, Witold Lutosławski and Iannis Xenakis. Dan il-kunċert se jsir f’Robert Samut Hall, il-Furjana, il-knisja li tinsab eżattament maġenb il-Ġonna tal-Argotti.

    L-aħħar attività f’din is-sensiela hija programm ta’ erbat ijiem għat-tfal, li qed jiġi organizzat f’kollaborazzjoni mal-programm Toi Toi, tat-Teatru Manoel. Dan il-proġett se jsir bejn it-2 u l-5 ta’ Diċembru, bejn id-9:30 u 12:30. It-tfal li jipparteċipaw f’dan il-proġett se jattendu għal attività interattiva bil-perkussjoni, mużika elettronika u strumenti oħra li twassal għal kunċert ilkoll flimkien. Id-direttur artistiku ta’ MMD huwa l-kompożitur Ruben Zahra, li minn dejjem kien impenjat fil-mużika kontemporanja b’viżjoni innovattiva. Ruben Zahra jgħid: “L-għan ta’ Modern Music Days huwa li jwassal din il-mużika għand udjenzi ġodda b’mod aċċessibbli permezz ta’ strateġija divertenti u interdixxiplinari”

    Modern Music Days huwa parti mill-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fit-tħejjija lejn is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-festival huwa organizzat mit-Teatru Manoel u l-Malta Association for Contemporary Music bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Finanzi.

    Biljetti: www.teatrumanoel.com.mt/bookings@teatrumanoel.com.mt/21246389.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook