Euro 2016: Malta megħluba mill-Kroazja

  • Set 09, 2014 23:50
  • Miktub minn Cris Muscat jirrapporta minn Z

    Fl-ewwel partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2016, liema Fażi Finali se ssir fi Franza, Malta sfat megħluba mill-Kroazja bl-iskor ta’ 2-0 fil-Maksimir Stadium, f’Zagreb, meta għal siegħa sħiħa lgħabna f’inferjorità numerika wara li tkeċċa d-difensur Steve Borg għal ritaljazzjoni banali.

    Matul l-ewwel taqsima, it-tattika Maltija kienet dik ta’ 5-4-1, fejn id-difiża kienet waħda organizzata u kompatta, li fiha spikka Andrei Agius, biex il-players Kroati bdew isibuha diffiċli biex jippenetraw lejn il-lasta Maltija. Anke jekk l-avversarji gawdew ħafna mill-pussess tal-ballun, il-Maltin lagħbu partita ta’ stennija u ta’ konteniment biex bdiet tidher il-frustrazzjoni fost l-avversarji tagħna.

    Iżda l-inċident tat-tkeċċija ta’ Steve Borg, kienet detrimentali għall-Maltin, bl-avversarji jikbru fl-istatura psikoloġika biex fetħu assedju fuq il-lasta Maltija.

    Iżda jekk ir-riżultat kien wieħed negattiv, kumplessivament il-wirja kienet waħda sodisfaċenti meta wieħed iqis li l-Maltin lagħbu kontra wieħed mill-ġganti tal-football mondjali.

    L-ewwel attakk perikoluż wasal mill-Maltin, wara biss tliet minuti, meta Andrè Schembri rċieva l-ballun minn throw-in ta’ Steve Borg, dar ma’ Vedran Corluka u minn qagħda angolata fajjar xutt li ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper Kroat, Danijel Subastic.

    Fit-13-il minuta, mill-corner ta’ Ivan Rakitic, id-difiża Maltija kienet attenta biex it-tentattiv ta’ Dejan Lovren spiċċa għoli.

    Żewġ minuti wara, l-istess Rakitic xeħet freekick insidjuż fil-kaxxa iżda x-xutt ta’ Mario Mandzukic, li kien mgħasses minn Ryan Camilleri, falla l-mira.

    Fil-25 minuta, Mateo Kovacic seta’ ħoloq xi ftit paniku fid-difiża Maltija mill-cross perikoluż tiegħu, iżda Andrei Agius kien puntwali biex tajjar il-periklu meta xeħet f’corner biex l-azzjoni sussegwenti tal-Kroati sfumat fix-xejn.

    Fil-31 minuta, imbagħad Malta spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta Steve Borg banalment u b’mod mill-aktar irresponsabbli rritalja għal foul li kkommetta fuqu Mario Mandzukic biex ġustament intwera l-karta l-ħamra.

    B’din is-sitwazzjoni, il-coach ta’ Malta, Pietro Ghedin, kellu jibdel l-istrateġija tat-team biex għamel sostituzzjoni sforzata meta daħħal lid-difensur Steve Bezzina fil-post ta’ Michael Mifsud.

    Fl-40 minuta, kien il-goalkeeper Andrew Hogg li ħareġ fil-ħin biex jinnewtralizza mill-cross ta’ Hrvoje Milic. L-ewwel taqsima spiċċat b’daqqa ta’ ras ta’ Mario Mandzukic li għaddiet minn fuq il-mimduda wara li Hogg xeħet f’corner mill-kanunata ta’ Alen Halilovic.

    It-tieni taqsima bdiet fuq nota katastrofika meta wara biss 20 sekonda, il-Kroati fetħu l-iskor minn LUKA MODRIC b’xutt minn 35 metru bogħod.

    Fl-54 minuta, xutt ta’ Alen Halilovic minn barra l-kaxxa għadda ma’ sieq il-lasta b’Andrew Hogg megħlub għal kollox.

    Tliet minuti wara, Steve Bezzina salva goal ċert meta b’mod kuraġġuż inxteħet biex jantiċipa x-xutt qawwi ta’ Ivan Rakitic. Imbagħad kien Andrei Agius li kien providenzjali fuq xutt ta’ Hrovje Milic.

    Fl-74 minuta, konna fortunati meta Andrej Kramaric għadda bejn Zach Muscat u Andrei Agius iżda t-tentattiv tiegħu ġie mċaħħad mill-mimduda.

    Iżda fit-80 minuta, l-istess player irdoppja għall-Kroazja billi għadda l-ballun minn taħt il-goalkeeper Hogg wara li ġie żmarkat minn Nikica Jelavic. Tliet minuti wara, Hogg salva goal ċert fuq xutt ta’ Marcelo Brozovic.

    KROAZJA: 23–Danijel Subastic, 4–Hrvoje Milic, 5–Vedran Corluka, 6–Dejan Lovren, 7–Ivan Rakitic, 8–Alen Halilovic (22-Andrej Kramaric 67),, 10–Luka Modric, 11–Darijo Srna, 14–Marcelo Brozovic, 17-Mario Mandzukic (18-Ivica Olic 78),, 20-Mateo Kovacic (9-Nikica Jelavic 46), - Coach: Niko Kovac

    MALTA: 1–Andrew Hogg, 4-Steve Borg, 5-Andrei Agius, 6–Ryan Fenech, 7–Clayton Failla, 8–Paul Fenech (22-Ryan Scicluna 87),, 9–Michael Mifsud (3-Steve Bezzina 34),, 13–Andrè Schembri, 15–Rowen Muscat (Bjorn Kristensen 75),, 17–Ryan Camilleri, 19–Zach Muscat - Coach: Pietro Ghedin

    REFERI: Vladislav Bezborodov (Russja),

    ASS. REFERIS: Nikolai Golubev, Maksim Gavrilin (Russja),

    ASS. REFS. ADD.: Sergey Ivanov, Mikhal Vilkov (Russja),

    RABA’ UFFIĊJAL: Valeriy Danchenko (Russja),

    SKORERS: L. Modric 46, A. Kramaric 80 (K),

    AMMONITI: M. Mandzukic (K),; R. Fenech (M),

    TKEĊĊA: S. Borg 31 (M),

    Ritratt: Paul Zammit Cutajar

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Set 10, 2014

    JIEN IL BIERAH RAJT IL-LOBA BEJN.KROAZJA VS MALTA .IL MALTIN JONQOSHOM HAFNA BI

    Irrispondi
  •  

Facebook