Inxandru, ma nxandrux

  • Set 03, 2014 11:34
  • Miktub minn Jake Azzopardi
"

    Meta xi kawża kriminali tattira l-għajn tal-midja u widen in-nies, minbarra li nistaqsu x’ ġara, nistaqsu min. L-ippubblikar tal-isem tal-akkużat, meta jitħalla jsir, u meta ma jitħalliex, dejjem irejjex id-dibattitu.

    Il-qorti ma timxix b’uniformi fuq dan il-punt, proprju għax titratta każ b’mod separat minn kwalunkwe każ ieħor. Dan ikkonfermah, l-Imħallef Emeritus Philip Sciberras, f’rapport ippubblikat fl-orizzont, fejn qal li “l-liġi hija raġunata, u d-divjett jinħareġ jew ma jinħariġx, skont id-delikatezza tal-każ.”

    L-Imħallef Emeritus jitratta l-kwistjoni mill-punt ta’ protezzjoni - kemm tal-vittma, u kif ukoll tal-imputat. Fi stadju inizjali, jgħid l-Imħallef Emeritus Sciberras, ikun aħjar li l-ġudikant jipproteġihom it-tnejn.

    Meta mitlub, jagħti kummenti dwar każijiet fejn individwu li jkun ‘sempliċiment’ mixli, mill-ewwel jissemma’ ismu, bħal ma ġara dan l-aħħar, lis-soċju tal-Mużew mixli b’korruzzjoni ta’ minorenni, l-Imħallef Emeritus iżomm ferm mal-punt tiegħu li kull każ huwa partikolari, u għaldaqstant persuna mressqa fuq imġiba (veru jew mhix), li taf tkun ta’ periklu għal oħrajn fis-soċjetà, m'hemm xejn ħażin fl-ippubblikar tal-isem u dan fl-interess tal-pubbliku.

    Lil hinn mill-perċezzjoni, l-opinjoni u l-istigma pubblika, l-Imħallef Emeritus Sciberras, jirreferi għall-prinċipju bażiku li kulħadd hu preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati.

    L-Avukat Ramona Frendo, ukoll għamlet referenza għall-preżunzjoni tal-innoċenza, iżda saħqet li “din jew ħa napplikawha għal kulħadd, għal min ikun mixli u akkużat b’kull tip ta’ reat, jew ma napplikawha għal ħadd, meta niġu biex nippubblikaw jew ma nippubblikawx l-isem tal-individwu.” Dan bi kritika għal dak li b’mod ġenerali jinħass bħala trattament ‘preferenzjali’ jew differenti, li jieħdu każijiet relatati ma’ abbuż sesswali meta mqabbla ma’ każijiet ta’ serq, traffikar tad-droga u oħrajn.

    Il-Qorti toħroġ id-divjett li jżomm mill-ippubblikar tal-isem jew partikolaritajiet oħrajn tal-imputat jew akkużat, meta dan ikun minorenni. F’okkażjonijiet oħrajn, il-ġudikant għandu diskrezzjoni dwar jekk jippermettix li jixxandar l-isem jew le, normalment biex tkun protetta l-vittma jew biex tkun salvata l-investigazzjoni.

    Hawn l-Avukat Frendo qalet li taqbel li l-isem tal-akkużat ma jitħallix ikun ippubblikat, meta l-akkuża tkun waħda ta’ reat skabruż bħal stupru jew korruzzjoni ta’ minorenni.

    Filwaqt li huwa tal-istess opinjoni rigward il-ħtieġa li tkun protetta l-identità tal-vittma, aktar minn kull ħaġa oħra, l-Avukat Joe Mifsud, jemmen li persuna mressqa fuq komportament waqt il-qadi tal-professjoni tagħha, għandu jixxandar l-isem tagħha jekk tkun ingħatat indikazzjoni tal-professjoni, għax li tissemma’ l-professjoni biss tkun qed tagħmel ħsara kbira lill-membri l-oħra tal-professjoni jew vokazzjoni.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis l-espressjoni ħielsa, essenzjali f’soċjetà demokratika. Għalhekk, il-pubbliku għandu dritt li jinżamm infurmat b’dak li jiġri fil-qorti daqs fi kwalunkwe qasam ieħor.

    F’dan ir-rigward l-Avukat Mifsud jgħid li wasal iż-żmien li nistudjaw kif taħdem is-sistema fil-pajjiżi Skandinavi, fejn l-isem tal-akkużat ma jsirx pubbliku sa ma tinqata’ s-sentenza finali.

    Dan speċjalment f’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn “meta persuna titressaq il-qorti, anke jekk tinħeles mill-akkużi miġjuba kontriha, xorta jibqa’ dell fuq il-persuna.”

    Fis-snin l-imgħoddija, saret kważi kampanja biex jinħoloq ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minorenni, li fih jistgħu jitniżżlu persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ reati dwar pedofelija, vjolenza sesswali, vjolenza gravi, u reati marbuta ma’ traffikar ta’ droga. Jistgħu jitniżżlu wkoll persuni, li għalkemm ġew akkużati b’reati dwar pedofelija, sess jew vjolenza gravi, ikunu ġew illiberati minħabba l-istat mentali li jkunu jinsabu fih. Il-Qorti tista’ tordna wkoll li titniżżel fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minorenni kwalunkwe persuna oħra li tinstab ħatja ta’ reat, jekk tħoss li dik il-persuna tista’ tkun ta’ detriment għas-soċjetà b’mod partikolari għat-tfal.

    Il-kontenut ta’ dan ir-reġistru mhux aċċessibbli għall-pubbliku liberament, u fih jitniżżlu biss l-ismijiet ta’ persuni li tordna l-qorti espressament. Jidher però, li l-Qorti qiegħda żżomm lura, mhux ftit, milli tordna li jitniżżel isem ta’ persuna li tinstab ħatja f’dan ir-reġistru.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    2