"Nieqfu hawn, inħalluh jaħdem"

  • Set 02, 2014 07:23
  • Miktub minn

    Meta dalgħodu l-Arċisqof Pawlu Cremona jirritorna fl-uffiċċju tiegħu fil-Kurja biex jissokta bil-ħidma uffiċjali tiegħu wara ġimgħa ta' btala għall-mistrieħ f'Għawdex, mhux se jsib l-affarijiet eżatt kif ħalliehom.

    Fost l-aħħar affarijiet li għamel qabel ma mar biex jaqbad il-vapur, iltaqa' mal-eks Delegat tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca għall-Komunikazzjoni Soċjali, Dun Joe Borg, u ma' saċerdoti oħrajn li fil-jiem ta' qabel kienu kkritikaw b'mod dirett fil-midja l-mod kif qed titmexxa l-Knisja f'Malta. Sema' x'kellhom xi jgħidu u ddiskuta magħhom, u għandu jerġa' jiltaqa' magħhom. Sakemm kien Għawdex, diversi lajċi ħadu inizjattivi biex jesprimu fil-beraħ l-appoġġ tagħhom lejh. Ippjanaw u rreklamaw laqgħa ta' talb bix-xemgħat, u fetħu petizzjoni fuq l-internet li s'issa ġabret madwar 2,000 firma.

    Minn Għawdex, permezz tal-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-Kurja, Mons. Cremona għamel dikjarazzjoni fil-midja li fiha wera b'mod ċar li ma kienx qed jieħu pjaċir bil-laqgħa ta' talb bix-xemgħat b'turija ta' appoġġ għalih li kellha tiġi organizzata quddiem ir-residenza tiegħu f'Ħ'Attard għada filgħaxija. Konsegwentement, din l-attività tħassret ilbieraħ waranofsinhar.

    L-idea tal-laqgħa ta' talb bix-xemgħat oriġinat minn profil bl-isem ta' 'Francesco Borg' fuq il-Facebook. Sa meta tħabbar li kienet tħassret, mill-aktar minn elfejn ruħ li kienu ġew mistiedna jattendu kien hemm 179 ruħ li kienu qalu li kienu se jmorru, u 44 oħra li qalu li forsi jkunu hemm. Il-bidla fil-pjanijiet seħħet wara li l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-Kurja, Kevin Papagiorcopulo, qal fil-midja li “filwaqt li jinkoraġġixxi kull opportunità ta’ talb, Mons. Arċisqof jemmen li jkun aktar validu jekk il-familji jinġabru flimkien fid-djar tagħhom, biex jitolbu għall-bżonnijiet tal-Knisja.”

    Jidher ċar li din id-dikjarazzjoni ġabet lill-organizzaturi u lil bosta minn dawk li kienu se jattendu bejn ħaltejn, u kien hemm il-biża' li jekk l-attività ma titħassarx ironikament tispiċċa tiġi interpretata bħala sfida lill-Arċisqof minflok turija ta' apoġġ lejh. Bla dubju, kien dan li wassal biex fuq il-profil ta' 'Francesco Borg' kmieni lbieraħ waranofsinhar ittella' dan il-messaġġ: "L-Arċisqof Pawlu Cremona huwa tal-fehma li nhar l-Erbgħa, 3 ta’ Settembru, minflok immorru quddiem id-dar tiegħu f’ġest ta’ solidarjetà miegħu, ikun aħjar li nibqgħu d-dar biex mal-familja nitolbu r-rużarju għalih… Għalhekk, wara li kont jiena stess li bdejt din l-inizjattiva, illum nistiednek li nhar l-Erbgħa, minflok immorru Ħ'Attard quddiem id-dar tal-Arċisqof, aħna nibqgħu d-dar tagħna biex mal-familja, nitolbu r-rużarju għall-Mexxej Spiritwali tagħna u għall-Knisja f’Malta."

    Wara li ttieħdet din id-deċiżjoni, l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni tal-Kurja qal lil dan il-ġurnal li “l-Arċisqof japprezza l-intenzjoni tal-lajċi li jitolbu għalih u għall-bżonnijiet tal-Knisja.” Min-naħa tal-Kurja, iżda, ma ngħadda l-ebda kumment dwar il-petizzjoni li qed issir fuq l-internet b'appoġġ għall-Arċisqof.

    Maryanne Thake, li hija waħda minn dawk li ħolqu l-petizzjoni, qalet li l-iskop wara l-inizjattiva huwa li jkun hemm wirja ta' solidarjetà mal-Arċisqof, mhux li tittieħed xi pożizzjoni kontra xi ħadd jew ieħor: “L-idea hi li nuruh li aħna kuntenti bih bħala l-mexxej tagħna, għax nafu xi jsarraf.” Hija qalet li l-intenzjoni tagħha hija li l-petizzjoni tibqa' miftuħa sa tmiem din il-ġimgħa biex imbagħad turiha jew tippreżentaha lil Mons. Cremona.

    Għalkemm fid-dieher it-trab qed jibda joqgħod, m'hemmx dubju li min għadu jemmen li hemm bżonn ta' bidla fit-tmexxija, se jkompli jaħdem minn wara l-kwinti biex jasal għat-tir tiegħu. Iżda ta' fehma differenti huma għadd ta' saċerdoti u lajċi impenjati, li kienu beħsiebhom jieħdu sehem fil-laqgħa ta' talb ta' għada u li tkellmu magħna. Huma jemmnu bis-sħiħ li, għall-ġid tal-Knisja nnifisha, il-kwistjoni għandha tieqaf hawn. Skonthom, dment li l-Papa Franġisku jibqa' jkollu pjaċir bi Cremona bħala l-kap tal-Knisja f'Malta, l-Arċisqof għandu jitħalla jkompli jmexxi bl-istil tiegħu. Huma argumentaw li l-Papa Benedittu XVI żgur li kien jaf x'kien kapaċi joffri Cremona meta għażlu għal din il-missjoni. Sostnew li hija inġusta l-kritika li ssir lil Mons. Cremona u li tpinġih bħala wieħed li ma jagħtix attenzjoni lill-aspetti kollha tal-funzjonijiet tal-kariga tiegħu.

    Ħidma li wettaq

    Dawn is-saċerdoti u lajċi semmew diversi żviluppi ta' fejda għall-Knisja li saru minn mindu Mons. Cremona laħaq Arċisqof fl-2007 sal-lum, u dan minkejja li għamel xhur sħaħ fejn ma kienx għal kollox f'siktu. Irrimarkaw li ma ħasibhiex darbtejn biex aġġorna l-proċedura tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' abbużi sesswali biex ma jkunx hemm dewmien. Stinka biex jonqos iż-żmien ta' stennija fit-Tribunal Ekkleżjastiku, kif fil-fatt ġara ħlief f'każijiet meta jkun hemm bżonn ta' parir ta' esperti minn barra mit-Tribunal. Ta bidu għal konsultazzjoni wiesgħa fuq l-introduzzjoni tad-djakonat permanenti f'Malta, peress li s'issa hawnhekk id-djakni jdumu biss sena u mbagħad isiru saċerdoti. Ta struzzjonijiet biex it-trabi kollha jitgħammdu flimkien f'quddiesa apposta minflok ma ssir magħmudija tat-trabi bil-bibien tal-knisja magħluqa jew wara l-altar.

    Huma semmew kemm l-Arċisqof jieħu interess personali fil-formazzjoni tas-seminaristi, b'laqgħat regolari individwali ma' kull wieħed minnhom, u żjarat fis-seminarju. Dan minbarra li introduċa laqgħat bejn it-tmexxija tas-seminarju u l-fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta' Malta. Introduċa wkoll il-laqgħa tal-Konferenza Episkopali regolarment kull xahar. Wessa' l-involviment tal-lajċi fit-tmexxija tad-djoċesi bħala delegati tiegħu minħabba li, sakemm laħaq hu, id-Delegati tal-Arċisqof kienu jkunu kważi dejjem qassisin. Kompla jimplimenta dak li qal is-Sinodu Djoċesan u introduċa strutturi ġodda għall-oqsma dfferenti tal-ħidma pastorali. Fil-qasam tal-midja tal-Knisja, approva proġetti ta' ristrutturazzjoni u ħa d-deċiżjonijiet neċessarji biex l-entitajiet tal-midja jaġġornaw ruħhom għall-isfidi tal-era diġitali. Kien strumentali biex jitwaqqaf il-portal tal-aħbarijiet tal-Knisja bi struttura ġdida tal-kamra tal-aħbarijiet tal-RTK, u biex il-Media Centre tal-Knisja tiġi ristrutturata.

    Arċisqof tan-nies

    Irreferew ukoll għall-umanità tal-Arċisqof, u qabblu l-istil tat-tmexxija tiegħu ma' dik tal-Papa Franġisku. Semmew kif, kemm fid-dehra tiegħu kif ukoll fil-mod kif jaġixxi man-nies, juri sensittività kbira u jgħix il-faqar tal-Vanġelu fis-sempliċità tiegħu. Jgħin ħafna lill-foqra mingħajr daqq ta' trombi u jżur lill-morda fl-isptarijiet. Ma jiddejjaq xejn li, malli tispiċċa l-quddiesa li jagħmel kuljum filgħodu kmieni, jilqa' lin-nies fid-dar tiegħu biex jiftħu qalbhom miegħu fuq diffikultajiet personali.

    Naturalment, ma jistax jonqos li l-Arċisqof jagħmel enfasi kbir fuq ix-xogħol pastorali: dik il-ħidma li “tqarreb lir-ragħaj mal-merħla”. Huma semmew il-vista pastorali li matulha jrid li, sa Jannar li ġej, ikun żar is-70 parroċċa ta’ Malta kollha kemm huma. Żjara bħal din kienet ilha ma ssir għexieren ta’ snin. Matul din il-vista, minbarra li ltaqa’ ma’ ħafna nies li huma nvoluti fl-appostolat, mas-saċerdoti kollha wieħed wieħed, mal-komunitajiet reliġjużi kollha, u mal-membri tas-soċjetà ċivili, żar ukoll l-iskejjel primarji kollha u lil madwar 250 familja u morda, qaddes u ltaqa’ man-nies taż-żoni, u ltaqa’ individwalment ma ‘l fuq minn 300 persuna. Qed jippjana wkoll li, f’Jannar 2016, jerġa’ jibdieha, imma jżur elementi differenti minn dawk li żar s’issa.

    Kemm ilu fit-tmun tal-Knisja Maltija, Mons. Cremona ppropona lill-parroċċi evanġelizzazzjoni permezz ta’ gruppi żgħar li jiltaqgħu qrib ta’ fejn igħixu ‘l familji. Ikollu laqgħat u diskussjonijiet informali u regolari fi gruppi żgħar ma' żgħażagħ li tbegħdu mis-sagramenti u mill-Knisja. Għamel ukoll numru ta’ omeliji li jwasslu messaġġ uman u soċjali, b’riflessjonijiet spiritwali li tkun qed twassal il-Knisja mad-dinja.

    Intant mistoqsijiet li ntbagħtu lin-Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede f'Malta, Mons. Aldo Cavalli, jekk is-Santa Sede hix inkwetata bis-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa u jekk għandhiex il-ħsieb li tieħu xi azzjoni, baqgħu ma ġewx imwieġba.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 10

  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Hemm bzonn, li shabu stess l-ipokriti sacerdoti li joffru lil Gesu Kristu kuljum fuq l-artal imqaddes u

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Ferha bla temma ohra kien dan.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Fr.Joe Beuirut lil mim ghandek f'rasek biex tahtru flok l-Arcisqof Cremona ? Xi wiehed b'ghajnejh BLU ? Biex ikollkom forcina bhal ma kellkom fis-60ijiet ?

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Fr. Joe Borg imissu jinza u jilbes gakketta blu minflok.

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Qabel mal-poplu Malti jaghmel pressjoni fuq il-kurja bex il-qassisin politkanti li ghadhom imexxu lill knisja Maltija jigu mnehhija l-knsja ma tistax tiehu ruh.Fil-prezent ili ma nisma fil knisja talb ghall bzonnijiet tal-Arcisqof.Ghaliex x'ara?

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Ghaziz Arcisqof Cremona infakkrek li San Girgor Il-Kbir kien marrada tant li miet ta' 64 sena u qatta' hafna zmien tant marid li lanqas biss kien iqum

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Dun Joe Borg u ohrajn bhalu iridu

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    X’ghamel Mons Arcisqof Cremona minn meta nhatar Arcisqof ta’Malta? Malòli ha l-pussess hareg jiltaqa man-nies li kienu quddiem il-Kon-Katidral, mar jiltaqa maz-zaghzagh fil-mecca

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    Imma kif ma tisthux titfaw dawn il-ku

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Set 02, 2014

    @verita. Habib, kif tista titwemmen li inti genwi

    Irrispondi