Wirja ta’ arti mill-metall minn Marie Louise Kold

  • Mar 04, 2014 12:06
  • Miktub minn
"

    L-artista Skandinava Marie Louise Kold, li tuża r-ram, ram isfar u bronż biex toħloq xogħlijiet tal-arti mimlijin ħajja, bi lwien sbieħ li jinbidlu skont id-dawl u l-ambjent fejn ikunu, se jkollha wirja tax-xogħol tagħha f’Malta. Hija magħrufa internazzjonalment għall-arti tagħha, u ħafna mix-xogħlijiet li ħolqot mill-metall jinsabu mxerrda fi djar, kumpaniji u istituzzjonijiet oħra madwar id-dinja.

    Il-wirja tagħha se tokkupa s-swali kollha ta’ fuq taċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta. Il-wirja, li jisimha “Lines of Flight”, se titnieda fl-4 ta’ April filgħaxija u tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Mejju.

    Marie Louise Kold twieldet id-Danimarka, imma ilha tgħix minn tfulitha fl-Iżvezja. F’dawn l-aħħar tliet snin qed tgħix ukoll f’Malta fejn ġiet ispirata fl-arti tagħha mid-dawl fuq il-ġebla Maltija, fost l-oħrajn, u anke l-effett tax-xemx fuq iż-żebgħa ta’ bibien qodma, u l-kuluri qawwija tal-Mediterran u l-madwar. Qalet lil iNews li din il-wirja hija l-mod tagħha kif trodd xi ħaġa żgħira lura lil din il-gżira.

    Ix-xogħlijiet artistiċi tagħha mimlijin sentenzi sħaħ ta’ kliem minquxa. Kultant tpitter biż-żejt fuq il-metall innifsu. Taħraq (u kultant tħaffer), il-metall bl-aċidi u tuża kimiċi oħrajn biex toħloq patina ta’ lwien differenti f’disinji uniċi. Tagħmel ukoll inkwatri minn eluf kbar ta’ kwadri żgħar tal-metall, kull waħda b’patina għaliha.

    Marie Louise Kold hi partikolarment magħrufa fl-Iżvezja u d-Danimarka, fejn il-wirjiet tagħha huma mfittxija ħafna. Il-kummissjonijiet tagħha biex toħloq xogħlijiet pubbliċi jinkludu, pereżempju, il-ħajt miksi b’metall iddisinjat li għamlet għall-bini ta’ Realdania, fil-qalba ta’ Kopenħagen.

    Il-kuratur tal-wirja “Lines of Flight”, Dr Ġorġ Mallia, jgħid li l-artista “żżiegħel bil-metall u toħroġ minnu l-ħalel tal-fantasija f’modi li joħolqu estetika unika mibnija fuq id-dawl u l-kundizzjonijiet naturali ta’ fejn tintwera l-arti tagħha.”

    Il-wirja “Lines of Flight” se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, u hija esperjenza li ħadd m’għandu jitlifha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0