It-test tal-umanità tagħna

  • Jan 19, 2014 21:32
  • Miktub minn Daniela Attard Bezzina
"

    Kieku jkolli nqatta’ ġurnata sħiħa nisma’ lil Karl Schembri jirrakkonta dwar ix-xogħol tiegħu f’Gaża u fil-Ġordan, ma niddejjaq xejn. Bniedem li għandu r-rispett tiegħi għax hu wieħed minn dawk li ma joqogħdux jgħidu “Jaħasra” mill-kumdità tas-salott tagħhom iżda jaqbdu u jxammru l-kmiem biex jgħinu lill-batut bil-fatti. Dan li ġej hu biss farka mis-sofferenza li jgħaddu minnha eluf ta’ nies kuljum filwaqt li l-bqija tad-dinja tħares b’idejha fuq żaqqha.

    Lil Karl minn dejjem kien jaffaxxinah il-Lvant Nofsani u kellu xewqa kbira li xi darba jmur jaħdem hemmhekk. Fil-bidu tal-2009, waqt il-gwerra ta’ Gaża, ġietu l-opportunità li jżur Ramallah u Ġerusalem għall-ewwel darba bħala ġurnalist. Dakinhar hu u sħabu ma rnexxilhomx jidħlu f’Gaża iżda rrapportaw mill-fruntiera mal-Eġittu.

    Ix-xorti riedet li fuq l-istess ajruplan fi triqtu lejn il-post, Karl iltaqa’ ma’ mara Maltija-Kanadiża li żewġha kellu aġenzija tal-aħbarijiet fil-Palestina. Ftit ġimgħat wara li Karl ġie lura Malta, hija rat ir-rapporti li kien kiteb dwar Gaża u stednitu jibda jaħdem mal-aġenzija ta’ żewġha.

    “Għalija din kienet ħolma li saret realtà,” qalli Karl, li f’Marzu tal-2009 wasal Ramallah fix-Xatt tal-Punent u beda jaħdem minn hemmhekk sakemm jinħariġlu l-permess biex jidħol f’Gaża. Stennija li damet xhur sħaħ - sa Settembru tal-istess sena. Ġara, iżda, li wara li l-permess inħareġ u Karl beda jidra l-ħajja ġdida tiegħu f’Gaża, l-aġenzija falliet u spiċċa bla xogħol. Kien għoddu qata’ qalbu li jibqa’ jgħix f’Gaża, meta ġie impjegat bħala uffiċjal tal-media għal dik il-lokalità mal-organizzazzjoni Oxfam.

    Ma jistax jonqos li meta tgħix u taħdem f’post li spiss ikun fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena, tiġi wiċċ imb wiċċ kuljum mat-tbatija umana. Biżżejjed ngħidu li Gaża hi magħrufa bħala l-akbar ħabs fid-dinja. Kif spjegali Karl, “Gaża hi bejn wieħed u ieħor daqs Malta, iżda fiha jgħixu 1.7 miljun ruħ u ħadd minnhom ma jista’ joħroġ minn hemm ħlief bil-permess ta’ Iżrael li jinvolvi ħafna burokrazija. L-attitudni tal-Eġittu (il-pajjiż l-ieħor li għandu fruntiera ma’ Gaża), lejn in-nies ta’ Gaża mhix aħjar minn dik ta’ Iżrael, tant li jagħti t-tort lilhom għal kull problema li għandu. Jekk int minn Gaża, tiġi trattat bħala terrorist, int min int. In-nies ta’ Gaża jgħixu f’sitwazzjoni ta’ kastig kollettiv, u dan għaliex b’mod demokratiku tmien snin ilu eleġġew lill-Ħamas.”

    “Ir-realtajiet li jgħixu ta’ kuljum in-nies ta’ Gaża huma inkonċepibbli għalina. Minbarra n-nuqqas ta’ libertà tal-moviment, id-dħul ta’ materja prima fil-post hu limitat ħafna. Ħafna mill-mini taħt l-art li minnhom kienu jiddaħħlu l-provvisti klandestinament mill-Eġittu issa nqerdu wkoll. Dan wassal mhux biss għal għażla limitata ta’ prodotti fil-ħwienet iżda wkoll għal nuqqas kbir ta’ fjuwil. Fil-fatt l-elettriku f’Gaża issa qed jinqata’ għal sittax-il siegħa kuljum minflok it-tmien sigħat ta’ qabel.”

    U sewwa jgħid il-Malti li l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien, għax din ix-xitwa kienet l-aktar waħda b’temp kiefer fil-Lvant Nofsani f’ħafna snin. Karl irrakkontali kif f’Diċembru li għadda Gaża kienet mgħarrqa taħt żewġ metri ilma. Ix-xita ma waqfitx, ir-riħ kien tal-biża’ u s-sistema tad-drenaġġ ma bdietx tlaħħaq, tant li d-drenaġġ spiċċa jitħallat mal-ilma tax-xita. “Ħafna nies tilfu darhom, tilfu kollox, u sabu kenn fl-iskejjel kesħin silġ. L-infrastruttura hi mkissra u ma tistax tissewwa minħabba n-nuqqas ta’ materja prima.”

    Minkejja kull ostaklu, il-poplu ta’ Gaża jipprova kemm jista’ jgħix ħajja normali f’pajjiż li jinsab f’sitwazzjoni anormali. “Ħaġa li għallmitni Gaża hi li tkun xi tkun is-sitwazzjoi tiegħu, il-bniedem irid jibqa’ jgħix,” qalli Karl. “Kulma jridu n-nies ta’ Gaża hu li jkunu bħal ħaddieħor. Li jfaddlu ftit flus u jieħdu btala, li jgħaddu mill-eżamijiet u jieħdu boroż ta’ studju barra mill-pajjiż. In-nies li tħallatt magħhom jien f’Gaża mhux talli mhumiex terroristi, talli huma nies paċifisti li ma jiħdux passi vjolenti minkejja l-qagħda li tpoġġew fiha. Huma nies li jibqgħu jittamaw, u mnalla għad għandhom din it-tama. Nies li m’għandhom xejn imma joffrulek tazza te. Nies b’sens ta’ umoriżmu, li minkejja kollox jafu jiċċajtaw dwar il-mewt, il-gwerer, il-bombi u l-Palestina nnifisha. Iħobbu jgħidu l-frażi, ‘Għada jkun aħjar.’ Jafu li mhux veru, imma jgħiduha xorta.”

    Allura kif ikun jum “normali” f’Gaża? staqsejt lil Karl. “Apparti s-sigħat bla elettriku, il-ħoss tal-generators li jtaqqablek moħħok u tal-ajruplani militari Iżraeljani għaddejjin il-ħin kollu, tara t-tfal sejrin l-iskola - min filgħodu u min filgħaxija għax m’hemmx skejjel biżżejjed. Tara ħafna rġiel bla xogħol, ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu bihom infushom. Qabel l-imblokk, Gaża kienet tesporta ħafna qronfol, frawli u tessuti iżda issa spiċċa kollox, il-fabbriki ngħalqu u eluf ta’ nies tilfu l-impjieg. Tara kjuwijiet twal mal-pompi tal-petrol, għax il-petrol jinbiegħ bil-kwota. Fil-fatt ħafna nies qed jikkonvertu l-magna tal-karozza biex taħdem bil-gass (ħaġa perikoluża jekk issir minn xi ħadd li mhux espert), għax il-gass issibu aktar mill-petrol. Fil-bidu tal-imblokk, meta l-fjuwil f’Gaża kien nieqes għalkollox, il-karozzi kienu jħaddmuhom biż-żejt tal-qali, tant kemm kienu ddisprati!”

    “Qed ngħidlek dan kollu biex nipprova nfiehmek kemm dawn in-nies huma intelliġenti u b’xi mod isibu mezz kif jibqgħu għaddejjin kontra l-intoppi. Naf nies minn Gaża li huma ġenji tat-teknoloġija, nies b’enerġija inkredibbli biex jagħmlu xi ħaġa, imma ma jistgħu jagħmlu xejn għax bilfors iridu jibqgħu msakkrin hemm ġew. U l-komunità internazzjonali tibqa’ tittollera dan kollu. Taf eżatt x’qed jiġri imma tħalli lil Iżrael jagħmel li jrid, u l-affarijiet dejjem sejrin għall-agħar. Meta lin-nies ta’ Gaża tkun tafhom personalment, tħossha aktar għax taf kemm huma kapaċi u taf kemm huma moħlijin. Il-mini stess li kienu ħaffru biex idaħħlu l-provvisti mill-Eġittu huma turija ta’ kemm huma inġenjużi.”

    It-tbatija tal-poplu ta’ Gaża tibqa’ dejjem f’moħħ Karl għalkemm bħalissa qed jaħdem f’nofs realtà oħra - dik tat-tbatija tar-refuġjati Sirjani fil-Ġordan - bħala regional media manager mal-aġenzija Save the Children, li hi simili għal Oxfam. Għal dawk li ma jsegwux wisq l-aħbarijiet internazzjonali, is-Sirjani qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerra ċivili li għadha għaddejja. S’issa aktar minn miljun ħarbu lejn il-Libanu u aktar minn nofs miljun jinsabu l-Ġordan.

    “Ir-refuġjati Sirjani ġejjin minn pajjiż li hu tagħhom, mhux pajjiż okkupat, u għalhekk fil-parti l-kbira tagħhom f’pajjiżhom kellhom impjieg, dar, xi biċċa art u diversi servizzi b’xejn. F’daqqa waħda dawn tilfu kollox u sabu ruħhom b’ta’ fuqhom senduqhom f’post li mhumiex midħla tiegħu, kultant anke f’deżert. Għadhom ma jistgħux jemmnu li ġralhom hekk, li mil-lum għal għada ġew dipendenti fuq il-ġenerożità tal-pajjiż li qed jilqagħhom u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Mhux talli hekk, talli dawk li ħarbu lejn il-Libanu qegħdin f’pajjiż fejn ukoll tista’ tfaqqa’ gwerra ċivili minn mument għall-ieħor,” qalli Karl.

    Fil-Ġordan, madwar 120,000 refuġjat Sirjan qed jingħataw kenn f’kamp f’Żatari, li issa sar ir-raba’ l-akbar belt fil-pajjiż. Xi wħud jgħixu f’kontejner u oħrajn ġo tinda. Ħafna mir-refuġjati li ma jgħixux f’dan il-kamp isibu kenn f’postijiet abbandunati jew f’tined fl-għelieqi.

    “L-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir bħalissa qiegħda fuq l-aspett politiku u fuq il-kunflitt Sirjan innifsu,” kompla Karl. “L-interess f’dak li qed jgħaddu minnu r-refuġjati majna għalkollox, anke għax hija fin-natura ċinika tagħna l-bnedmin li nħossu aktar għal nies li jintlaqtu minn xi diżastru naturali milli għal dawk li ‘ġabu l-inkwiet b’idejhom’ billi ġġieldu bejniethom. Jiena li naħdem mar-refuġjati nista’ ngħid li ħadd ma jaħrab minn pajjiżu u jipperikola ħajtu għalxejn b’xejn. Għalhekk jinkwetani ħafna d-diskors razzist u diskriminatorju li ġieli jingħad f’Malta dwar l-immigranti. Diskors li jaf ikun krudili ħafna u li jsir minn nies li jinsew li għas-Sirjani sa ftit ilu l-ħtieġa li jaħarbu minn pajjiżhom kienet remota daqskemm tidher remota għall-Maltin illum. Kulħadd jista’ jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni, ikun xi jkun il-kaġun. Din hi kawża umanitarja. U dan hu t-test tal-umanità tagħna.”

    • Jekk tixtieq tgħin lin-nies li tkellem dwarhom Karl, żur is-siti www.oxfam.org u www.savethechildren.org

    Ritratti: Karl Schembri / Ritratt ta' Karl Schembri fuq minn Ray Attard

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    1